Lokali

Titjira tal-Easyjet lejn Manchester qed tirritorna lejn Malta

It-titjira EZY 1998 tal-Easyjet, li telqet mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’11.43am lejn Manchester, kellha tirritorna lura lejn pajjiżna wara li wieħed mill-passiġġieri rrapporta li ma jiflaħx.

Minn informazzjoni li kiseb NETnews jirriżulta li t-titjira ħalliet Malta fil-ħin għax sa dak il-ħin ma rriżultax li seta’ kien hemm xi diffikultajiet. Madankollu, meta l-ajruplan kien wasal fuq Sqallija, wieħed mill-passiġġieri nnotifika lil membru tal-ekwipaġġ li qed iħossu ma jiflaħx.

Kien għalhekk li l-pilota nnotifika lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li mhux se jkompli bil-vjaġġ. Il-persuni li tkellmu ma’ NETnews qalu li l-pilota ddeċieda li jirritorna lura Malta minħabba li kien eqreb lejn pajjiżna.

Barra minhekk, deċiżjoni bħal din hi importanti biex tkun salvagwardjata s-sigurtà tal-passiġġieri kollha abbord.