Lokali

Xogħol ta’ restawr fil-bażilika tal-Isla biex skulturi fil-ġebel jinkixfu

Minister for Transport and Infrastructure Joe Mizzi attends a briefing by the Rehabilitation Projects Office about the archaeological findings at Senglea Parish Church [23-5-16]

Fil-ġranet li ġejjin se jinbeda xogħol ta’ restawr biex skulturi fil-ġebel li kienu nstabu waqt xogħol ta’ manutenzjoni fil-bażilika tal-Isla, jinkixfu kollha u jiġu kkonservati bħala parti mill-patrimonju nazzjonali.

L-iskulturi nkixfu b’kumbinazzjoni f’Jannar li għadda waqt xogħol volontarju li kien qed isir fil-knisja. Il-parti li nkixfet hija parti minn dak li kien baqa’ mill-knisja peress li din kienet iġġarrfet fi żmien il-Gwerra. Huwa mifhum li pilastri oħrajn li jinsabu fuq l-istess naħa tal-knisja, ukoll għandhom skultura simili li sal-lum, għadha mgħottija.

L-Arċipriet tal-Isla l-Kanonku Robin Camilleri spjega li wara konsultazzjoni mal-Arċidjoċesi ta’ Malta, intlaħaq qbil li l-iskulturi jinkixfu kollha u jiġu kkonservati għat-tgawdija tal-pubbliku.

Min-naħa tagħha, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Proġetti għar-Riabilitazzjoni l-Perit Mireilli Fsadni, ikkonfermat li wara li ġie studjat fid-dettall il-proċess tal-ħidma, il-proġett ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar biex fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju, jinbeda x-xogħol biex jinkixfu fuq l-ewwel tliet pilastri, xogħol li se jsir b’reqqa kbira.