Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Partit Popolari Ewropew (PPE) fi ħdan il-Parlament Ewropew organizza Konferenza f’Milan, dwar iż-żgħażagħ. Din il-Konferenza kienet inizjattiva tal-Membru Parlamentari Ewropew Taljana Lara Comi.
F’isem Malta attendew il-Membru Parlamentari Ewropew u Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura Karl Gouder u Maria Portelli, Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali.
L-iskop tal-Konferenza kien biex ikunu diskussi l-isfidi li ż-żgħażagħ jaffaċċjaw illum il-ġurnata, b’mod partikolari ż-żgħażagħ li jgħixu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
Fost it-temi diskussi kien hemm l-isfida tax-Xogħol għaż-żgħażagħ, jekk għandhomx biżżejjed opportunitajiet u f’liema setturi hemm bżonn li l-istudenti jiġu mħarrġa aktar, kif ukoll l-isfidi li jkollhom meta jagħżlu li jidħlu fil-qasam tan-negozju.
Temi oħra diskussi kienu l-immigrazzjoni, mhux biss dik irregolari, u anke t-terroriżmu. Fil-Konferenza, il-MPE David Casa tkellem dwar ‘Trade Policies’, jiġifieri r-regoli u l-Liġijiet intiżi li jbiddlu l-kummerċ internazzjonali.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Karl Gouder tkellem dwar l-isfidi fil-qasam tax-Xogħol, fejn uża’ l-eżempju ta’ pajjiżna li matul il-25 sena li għaddew dejjem esplora u injetta oqsma differenti fis-settur tax-Xogħol, li joffru opportunitajiet ġodda u eċitanti għaż-żgħażagħ.
Il-Konferenza kienet indirizzata wkoll minn Membri Parlamentari Ewropej ta’ diversi pajjiżi u anke miċ-Chairman tal-PPE fil-Parlament Ewropew Manfred Weber.
//= $special ?>