Lokali

It-12-il edizzjoni tal-maratona tal-futbol b’risq Puttinu Cares

Il-Maratona b’risq Puttinu Cares mifruxa fuq 3 ijiem se tibda minn nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Mejju sal-Ħadd 29 ta’ Mejju.

Din se tkun it-12-il edizzjoni ta’ din il-maratona, li se tara s-sehem ta’ madwar 800 tim tal-futbol li se jkunu qed jisfidaw lil xulxin fil-grounds tal-Marsa.

Din il-maratona se tagħti l-bidu tagħha permezz ta’ quddiesa ċċelebrata fid-9am, bis-sehem ta’ mijiet ta’ tfal minn skejjel differenti, kif ukoll diversi personalitajiet distinti. L-ewwel daqqa tal-ballun se tingħata fl-10am, mill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, u żagħżugħa ta’ 19-il sena li għelbet il-marda tal-kanċer.

Filgħaxija, se jkun organizzat party b’kanzunetti mis-snin 80 u 90, bis-sehem ta’ 4 DJ’s lokali li huma; Pierre Cordina, Alex Grech, Clint Bajada and Ryan Spiteri. Id-dħul għal dan il-party hu bla ħlas.

Il-jiem tas-Sibt u l-Ħadd se jkunu mimlija attivitajiet għall-familja kollha, fosthom b’funpark u logħob animat għat-tfal. Is-sibt filgħaxija ħafna mill-atturi Maltin se jkunu qegħdin jikkompeti kontra xulxin waqt diversi logħob u kompetizzjonijiet. Filwaqt li dawk preżenti se jkollhom iċ-ċans jieħdu ritratt ma dawn l-atturi. Matul il-ġurnata tal-Ħadd, diversi kantati lokali se jagħtu s-sehem tagħhom waqt din il-maratona.

Il-maratona se tkun qed tintwera wkoll fuq l-internet, permezz ta’ webcams apposta, bl-għan li tagħti ċans lil persuni minn madwar id-dinja biex jipparteċipaw.

Se tkun qed tintwera wkoll fuq l-istazzjonijiet TVM u TVM2, ONE TV, NET TV, FLiving, Xejk u SMASH TV.

Għal aktar informazzjoni tistgħu tingħatu email fuq info@puttinucares.org