Internazzjonali

Evakwati mill-kamp ta’ Idomeni fil-Greċja

L-awtoritajiet fil-Greċja evakwaw eluf ta’ immigranti iżolati mill-kamp ta’ Idomeni li jmiss mal-fruntiera tal-Maċedonja u li, għall-aħħar ġimgħat, serva bħala ċentru temporanju għal dawn il-barranin.

Ħafna mill-evakwati twasslu lejn faċilitajiet speċjali għall-ipproċessar tal-immigranti fin-nofsinar tal-Greċja u qrib il-belt ta’ Thessaloniki. Mijiet ta’ pulizija ħadu sehem fl-evakwazzjoni tal-immigranti mill-kamp, bl-awtoritajiet Griegi jagħmluha ċara li ma kellhiex tintuża forza waqt l-azzjoni. Fil-fatt, l-evakwazzjoni dehret li mxiet bil-kalma waqt li r-residenti tal-kamp telqu volontarjament mill-inħawi.

Il-fruntiera bejn il-Greċja u l-Maċedonja ingħalqet f’Marzu u minn dak iż-żmien, eluf ta’ immigranti, ħafna minnhom nisa u tfal, baqgħu iżolati f’dik iz-zona ta’ fruntiera fejn ma setgħux ikomplu jivvjaġġaw lejn in-naħa ta’ fuq tal-Ewropa. Ħafna mill-immigranti ġejjin minn zoni ta’ konflitt fis-Sirja, l-Iraq u l-Afganistan u fl-aħħar xhur huma kienu kostretti jgħixu fi speċi ta’ belt tat-tined, b’ammonti mhumiex sodisfaċenti ta’ ikel.

Il-kamp ta’ Idomeni kien qed jitqies bħala ‘diżastru umanitarju u soċjali’, fejn spikkaw mhux biss il-kundizzjonijiet ta’ miżerja iżda wkoll il-problemi tas-saħħa.