Internazzjonali

Il-Brażil: Jirriżenja Ministru fi skandlu politiku ieħor

Irriżenja alleat kbir tal-Aġent President Brażiljan, Michel Terner, wara li feġġ skandlu politiku ieħor fost is-sensiela ta’ skandli dwar korruzzjoni li fnew lis-soċjetà Brażiljana.

Il-Ministru Brażiljan għall-Ippjanar, Romero Juca, inqabad fuq tape fejn allegatament kien qed jgħin f’kumplott intiż biex itellef l-akbar investigazzjoni kontra l-korruzzjoni fil-pajjiż.

Skont ma żvelaw numru ta’ tapes, Juca jidher li tkellem dwar pjan biex tieqaf l-investigazzjoni dwar l-irregolaritajiet u abbużi konnessi mal-kumpannija taż-żejt Petrobras, permezz tal-impeachment tal-President tal-Brażil, Dilma Rousseff, li tinsab sospiża mill-kariga.

Rousseff, issa, qed tgħid li t-tapes huma provi li l-proċess ta’ impeachment kontra tagħha għandu jitqies bħala kolp ta’ stat politiku bil-għan li jipproteġi lil numru ta’ uffiċjali ewlenin implikati fl-iskandlu tal-Petrobras. Iżda Romero Juca jinsisti li l-allegati kummenti tiegħu fuq it-tape ittieħdu barra l-kuntest tagħhom.

Skont il-gazzetta Folha de Sao Paulo, li ħarġet il-leaks dwar l-iskandlu, Juca, allegatament jgħid li l-impeachment ta’ Rousseff kien neċessarju għat-twaqqif ta’ ‘patt politiku li għandu jillimita l-affarijiet ( b’referenza għall-investigazzjoni).’

Ir-rapport fil-Folha kompla li r-recording sar mill-eks-senatur Sergio Machado, li kien qed jitkellem ma’ Juca u ftit taż-żmien ilu kien imexxi t-Transpetro, li hi l-akbar kumpannija għat-trasport taż-żejt u l-gass fil-Brazil. Machado, li qed ikun investigat dwar allegat sehem fl-iskandlu tal-Petrobras, ma kkummentax dwar il-każ.