Ambjent Lokali

Il-moratorju mill-Gvern għall-Kaċċa fir-Rebbiegħa hi “messa in scena” – BirdLife Malta

Il-Gvern ma semax mill-fatti xjentifiċi biex issa se jisma’ mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nasaba Konservazzjonisti (FKNK). Hekk saħqu l-Uffiċjali ta’ BirdLife Malta waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem Kastilja.

Il-fatti xjentifiċi li BirdLife Malta ilha tisħaq fuhom jgħidu li l-Gamiema ġiet ikklassifikata bħala speċi vulnerabbli mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) minħabba tnaqqis drastiku fl-aħħar snin fil-popolazzjoni tat-tajra. Il-Gvern messu ilu li ħa azzjoni fuq dawn il-fatti u mhux stenna sakemm titkellem l-FKNK, sostniet l-għaqda ambjentali.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, ġie spjegat ukoll kif il-Gvern s’issa ma tax widen għall-appelli biex iwaqqaf il-Kaċċa fir-Rebbiegħa, iżda kien biss wara li s-Sibt li għadda tkellmet l-FKNK, li l-Gvern jidher li se jieħu azzjoni u japplika l-moratorju fuq il-Kaċċa f’dan l-istaġun.

Birdlife Malta qalet li dejjem kienet konsisteni fl-argumenti tagħha u li dawn l-aħħar żviluppi jixhdu b’mod ċar li l-Gvern dejjem ingħata pariri ħżiena mill-Wild Birds Regulation Unit u mill-Għaqdiet tal-Kaċċaturi.

Kawża ta’ dan, jidher li pajjiżna jista’ jaffaċċja proċeduri ta’ ksur ta’ Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Għasafar. Madankollu, dan jidher li hu ‘messa en scena’ għax fejn jidħol il-ħarsien tal-għasafar, qed jibqa’ jinnega l-fatti.

BirdLife Malta qed tappella lill-Gvern biex ma jinjorax lil dawk l-eluf li fir-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa vvutaw kontra u li dejjem qed ikomplu jiżdiedu. Hu għalhekk li l-BirdLife ma teskludix li ‘l quddiem issejjeħ Referendum ieħor dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa.