Il-Kap tal-Forensika fl-Eġittu ċaħad li investigazzjoni inizjali tal-fdalijiet tal-vittmi fit-tiġrif tal-ajruplan tal-Egyptair indikat li kienet saret xi splużjoni. Dan meta komplew l-investigazzjonijiet dwar l-ajruplan li, nhar il-Ħamis iġġarraf b’66 persuna fil-Mediterran, waqt titjira minn Pariġi lejn il-Kajr.
Il-Kap Eġizzjan tal-Awtorità tal-Forensika, Hisham Abdul Hamid, qed jgħid li ‘hu kollu falz’ dak li ġie ppubblikat sallum dwar il-kwistjoni. Hu sostna dan bi tweġiba għal uffiċjal ieħor tal-forensika li stqarr li wieħed irid bilfors jasal għall-konklużjoni loġika li l-ajruplan tal-Egyptair spiċċa meqrud fi splużjoni, ‘peress li l-fdalijiet li nstabu kienu daqstant żgħar’.
L-ajruplan, tat-tip A320, kien għeb minn fuq ir-radar tal-Greċja u l-Eġittu ftit qabel it-tiġrif fil-Mediterran u mingħajr ma bagħat messaġġ ta’ emerġenza. Fl-aħħar jiem, l-iskwadri li qegħdin ifittxu għalih irkupraw diversi fdalijiet minn zoni tal-baħar indikati lejn it-Tramuntana mill-port ta’ Lixandra, fl-Eġittu.
//= $special ?>