Minkejja r-risposta dwar is-suċċessi fin-negozju tiegħu, Keith Schembri baqa’ ma rrispondiex għal diversi domandi dwar is-segretezza tal-kontijiet li fetaħ jew ipprova jiftaħ b’mod sigriet f’banek madwar id-dinja.
Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kkwota diversi kummenti li kienu saru min-naħa tal-Partit Laburista fil-każ li kien tressaq fil-konfront ta’ Richard Cachia Caruana. Dawn il-kummenti kienu jgħidu li anke jekk mhux membru parlamentari, fil-kariga tiegħu Richard Cachia Caruana ma kellux jiġi eżentat mill-iskrutinju tal-Parlament.
Jason Azzopardi qal li f’artiklu nhar il-Ħadd li għadda ġie ppubblikat artiklu dwar is-suċċessi fin-negozju ta’ Keith Schembri. Dak li ma qalx fl-artiklu Keith Schembri kien, għaliex Nexia BT innegozjat f’ismu wara li kien fil-kariga ta’ Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru anke jekk suppost irrinunzja għat-tmexxija tal-kumpanniji tiegħu.
Jason Azzopardi qal li minkejja d-diskors li ntqal, Keith Schembri ħalla diversi dettalji barra li jikkontradixxu d-dikjarazzjonijiet tiegħu. Il-mod kif saru l-affarijiet juru li l-affarijiet mhux biss kienu qed isiru f’investimenti ’l bogħod mill-pajjiż imma saru b’mod li juru ċar attentat ta’ ħabi. Kien hemm attentati biex jinfetħu kontijiet f’disa’ banek madwar id-dinja.
Jason Azzopardi qal li l-banek li sar kuntatt magħhom kien hemm proposti biex jinfetħu kontijiet li jidħlu fihom €800,000 fis-sena. Dan kollu sar f’Diċembru li għadda u kollox inżamm sigriet. Fl-aħħar korrispondenza li ġiet żvelata jirriżulta li ngħatat l-awtorizzazzjoni biex il-kontijiet jinfetħu.
Jason Azzopardi staqsa għaliex beda jsir dan il-ħabi kollu ladarba ma kien qed isir xejn ħażin. Hu qal li filwaqt li x-xahar id-dieħel se jkun hemm eluf li se jkunu qed iħallsu t-taxxa dovuta lill-Kummissarju tat-Taxxi, illum hemm min qed jagħmel minn kollox biex jevadi t-taxxa u jaħbi d-dħul tiegħu u ta’ dan sab il-protezzjoni tal-Prim Ministru.
//= $special ?>