Lokali

L-Air Malta se tipprivatizza ċerti setturi

Il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta qed tippjana li tneħħi partijiet mill-ħidma mhux ċentrali tagħha biex tkun aktar effettiva u tnaqqas l-ispejjeż.

Dan kien żvelat mill-ġurnal The Times f’rapport li fih intqal li d-Dipartiment tal-Inġinerija u tal-‘Ground Handling’ huma identifikati bħala l-ewwel setturi li jitneħħew mill-Air Malta. Is-setturi identifikati mistennija jkunu mmexxija mill-privat, għalkemm sorsi li tkellmu mal-ġurnal qalu li l-ħaddiema mhumiex se jitilfu posthom.

Il-pjan hu li dawn il-ħaddiema jkunu trasferiti ma’ entitajiet tal-Gvern, bl-istess mod kif kienu trasferiti l-ħaddiema tal-Enemalta. Il-pjan jidher li hu li l-Air Malta tibda tikri s-servizzi ta’ ‘ground handling’ mingħand kumpanija privata jew mingħand l-impjegati li kellha qabel.

Dan se jwassal għal sitwazzjoni fejn l-Air Malta ma jkollhiex servizzi ta’ ‘ground handling’ u ta’ inġinerija tul il-ġurnata kollha, iżda tkun tista’ tikrihom meta trid skont l-esiġenzi.

Il-ġurnal ikkwota kelliema għall-Ministru Edward Zammit Lewis, li qalet li d-deċiżjoni tal-Alitalia fil-kuntest tad-‘due diligence’ mistennija tingħata f’Ġunju jew Lulju. Id-diskussjonijiet bejn l-Air Malta u l-Alitalia għadhom għaddejjin, bil-Prim Ministru jindika l-aħħar tas-sena biex il-linja nazzjonali tal-ajru ssegwi l-mudell li twettaq fl-Enemalta.

Iċ-Chairman tal-Alitalia Luca Cordero de Montezemolo kien ikkwotat jgħid li l-Alitalia mhux se tinvesti ewro wieħed fl-Air Malta, bin-negozjati qed isiru bla ebda riskju għal-linja tal-ajru Taljana.

Il-GWU ma taċċettax li l-ħaddiema tal-Air Malta jispiċċaw bla impjieg
Fi stqarrija, il-GWU qalet li, bħala l-union li tirrappreżenta l-maġġoranza assoluta fit-Taqsima tal-Inġinerija u l-‘Ground Handling’ fl-Air Malta, għad ma kellha l-ebda informazzjoni dwar dak li kien irrappurtat f’The Times.

Fil-fatt, bħall-unions l-oħra, s’issa l-GWU għadha qed tistenna biex jinbdew id-diskussjonijiet dwar il-futur tal-ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru.

Il-GWU kompliet li l-Gvern u l-Air Malta s’issa dejjem indikaw li m’hemm xejn deċiż, ħlief garanzija ta’ xogħol. Għalhekk, il-union qalet li hi kommessa li tikseb l-aħjar kundizzjonijiet għall-ħaddiema li tirrappreżenta, filwaqt li żgur ma taċċettax xi tip ta’ impjieg prekarju.

Il-union qalet li l-viżjoni tagħha għal-linja nazzjonali tal-ajru hi li l-kumpanija tissaħħaħ, tikber, tkabbar in-numru ta’ destinazzjonijiet tagħha u bħala linja nazzjonali tibqa’ toffri servizz essenzjali għall-pajjiż kollu, minflok ma tkun relegata biex tmantni rotot għal linji tal-ajru oħra.

Għaldaqstant, il-GWU sostniet li mhux se taċċetta li l-ħaddiema jispiċċaw bla impjieg.