“L-Unjoni Ewropea għandha ssaħħaħ ir-relazzjonijiet barranin biex networks kriminali involuti fit-traffikar tal-bnedmin jitressqu quddiem il-ġustizzja. Il-koperazzjoni effettiva fl-Unjoni mal-istakeholders ewlenin, bħalma huma l-NGOs, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-pajjiżi terzi hi meħtieġa biex niġġieldu u nipprevjenu t-traffikar tal-bnedmin”.
Il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet dan wara laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin fil-Parlament Ewropew, fejn ġie adottat ir-rapport “The fight against trafficking in human beings in the EU’s external relations”.
Bħala Shadow Rapporteur f’isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fuq dan ir-rapport, il-kontribut ta’ Therese Comodini Cachia kien iffukat li jinkoraġixxi li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa strateġija kontra t-traffikar tal-bnedmin, li jkollha dimensjoni akbar u li tikkunsidra l-vulnerabbiltajiet differenti tal-persuni li jispiċċaw vittmi ta’ dawn in-networks kriminali.
L-MEP Maltija kompliet li “l-korporazzjonijiet multinazzjonali għandhom rwol li l-kummerċ jiġġieled ukoll it-traffikar tal-bnedmin. Sakemm ma nindirizzawx bis-serjetà s-sitwazzjoni f’pajjiżi terzi, li qed jgħinu fiż-żieda ta’ vittmi li jidħlu fl-Ewropa, mhux se nkunu nistgħu nsaħħu l-miżuri li qed jittieħdu kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Unjoni Ewropea”.
Therese Comodini Cachia hi membru tas-Sotto-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin fil-Parlament Ewropew.
//= $special ?>