Lokali

FILMAT : “Inwiegħed li nnaddaf il-mentalità korrotta li daħħal Joseph Muscat” – il-Kap tal-PN Simon Busuttil

Fir-reazzjoni tiegħu wara l-vot dwar il-mozzjoni Parlamentari ta’ ċensura fil-Prim Ministru għall-fiduċja tiegħu f’Keith Schembri, l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil wiegħed l-impenn tiegħu li jnaddaf il-mentalità korrotta li daħħal Joseph Muscat. Hu wiegħed ukoll li jsir ħaqq ma’ min kiser il-liġi u li ssir ġustizzja soċjali ma’ min qiegħed ibati.

Simon Busuttil qal li hu kburi li jmexxi partit politiku li, għal darb’oħra, llum reġa’ ta vuċi lin-nies. “Għalkemm Joseph Muscat rebaħ il-vot tal-lum, tilef il-fiduċja tal-pensjonanti, tal-ħaddiema, tan-nies vulnerabbli, ta’ min se jimla’ l-formola tal-Income Tax, u ta’ ħafna Laburisti li jgħożżu l-onestà u l-ugwaljanza,” qal Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li bejn Keith Schembri u l-poplu Malti u Għawdxi, l-Prim Ministru llum għażel lil Keith Schembri. “Bil-vot tal-lum, għandna konferma li llum f’pajjiżna, taħt Gvern Laburista, għandna żewġ liġijiet: liġi speċjali għall-allat ta’ Kastilja u liġi għall-kumplament tan-nies,” qal Simon Busuttil.

Simon Busuttil fakkar ukoll li fid-dibattitu Parlamentari, l-Prim Ministru ma weġibx dwar kemm-il darba Joseph Muscat u Keith Schembri marru l-Ażerbajġan, dwar l-allegazzjoni dwar il-ħlas ta’ €400,000 li għamel Keith Schembri lill-eks Direttur Maniġerjali tat-Times, dwar il-kumbinazzjoni kbira li Konrad Mizzi ddikjara ‘personal revenue’ ta’ €6.4 miljun, u dwar l-aħbar li l-konsulent finanzjarju ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi fetaħ kumpanija wkoll għar-rappreżentant Ċiniż li kien qed jinnegozja l-bejgħ tal-Enemalta.