Jeħtieġ li titwaqqaf din il-ħsara mill-iskandlu tal-Panama li għadu jiġri ma’ saqajna. Magħna, dawn l-affarijiet ma jitħallewx isiru u jekk huma aċċettabbli għall-Prim Ministru, għalija m’humiex.
Fil-vot tal-lejla se toħroġ id-differenza bejn min jiġġieled il-mentalita’ korrotta u min hu komdu biha. Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt dibattitu fil-Parlament dwar il-mozzjoni li oriġinarjament kienet ta’ sfiduċja fil-konfront taċ-Chief of Staff Keith Schembri u li tbiddlet f’mozzjoni ta’ ċensura fil-Prim Ministru.
Simon Busuttil qal li n-nies huma diżgustati għal dak li qed jiġri f’pajjiżna u li l-Prim Ministru m’hu qed jagħmel xejn dwarhom. Li kieku l-PM għamel li kellu jagħmel u keċċiehom, kieku l-kwistjoni hi magħluqa iżda d-deċiżjoni li ħa l-PM kienet li jħalli kollox kif inhu.
Dan in-nuqqas ta’ azzjoni effettiva mill-PM, kompla l-Kap tal-Oppożizzjoni, wassal għall-kollass tal-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet b’mod partikolari il-pulizija.
Hu staqsa fejn huma l-istituzzjonijiet tal-pajjiż għaliex in-nies qed jistennew li titnrefa’ r-responsabbilta’.
Simon Busuttil qal li hemm il-liġi tal-Allat f’Kastilja u l-liġi għaċ-ċittadini tat-tieni klassi. Filwaqt li ma ttieħdet ebda deċiżjoni fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri, in-nies qed jirċievu formoli mill-banek fejn qed jiġu mistoqsija minn fejn ġabu l-flus tagħhom, kif ukoll formoli mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni sabiex jimlew id-dikjarazzjonijiet tagħhom.
Fl-istess żmien li Konrad Mizzi u Keith Schembri jibqgħu għaddejjin qisu xejn m’hu xejn, impjegat tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni ġie sospiż għaliex il-mara tiegħu issemmiet fil-Panama Papers meta kienet fetħet kumpanija minn qabel ma żżewwġu. Simon Busuttil kompla li n-nies qed jistennew trattament ugwali u li l-istituzzjonijiet jiffunzjonaw.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li filwaqt li l-PM se jirbaħ il-vot fil-Parlament, se jitlef ma’ dawk in-nies li qed jimlew il-formola tal-income tax, mal-pensjonanti, mal-ħaddiema bil-paga minima, mal-ħaddiema fil-qasam tas-servizzi finanzjarji li jinsabu nkwetati u mill-votanti Laburisti li huma mdejjqin li qed jiġu trattati bħala li jgħaddi kollox magħhom għax xorta waħda se jivvutawlhom.
//= $special ?>