Filmat: Rabja għal riklam ta’ Kinder … sakemm indunaw min kienu t-tfal!

Pegida, membri ta’ grupp anti-Iżlamiku fil-Ġermanja, ħarġu jattakkaw qatta’ bla ħabel lill-kumpanija Kinder wara li ħarġu pakketti taċ-ċikkulata b’uċuh tat-tfal fuqhom.

Ir-rabja ta’ Pegida kienet wara li Kinder għażlu tfal b’kulur tal-ġilda skura u oħrajn mil-Lvant Nofsani. Malli fergħa tal-grupp tellgħet ritratti fuq Facebook, immedjatament bdew deħlin mijiet ta’ kummenti kontra l-kumpanija Kinder.

Il-grupp staqsa kif wieħed jista’ jixtri ċ-ċikkulata b’dawn l-uċuħ fuqha. Fost il-kummenti, kien hemm min akkuża lill-kumpanija li qed tipprova tagħti l-impressjoni li dawn it-tfal juru stampa li dawn huma normali fil-Ġermanja. Xi ħadd qal li jittama li r-ritratti kienu foloz.

Iżda dawn il-persuni spiċċaw jiġu ridikolati meta sar magħruf li t-tfal fuq il-pakketti taċ-ċikkulata ma kienu ħadd ħlief ritratti tal-plejers tat-tim nazzjonali tal-Ġermanja, meta dawn kienu iżgħar. Fil-fatt it-tifel b’ġilda skura Jérôme Boateng, li twieled fil-Ġermanja minn omm Ġermaniża u missier mill-Ghana, u İlkay Gündoğan, li għandu dixxindenza Torka.