It-tħassib li tkellmet fuqhom l-Assoċjazzjoni tat-Tobba Maltin (MAM) dwar it-telqa totali taċ-Ċentri tas-Saħħa f’pajjiżna tinqasam fuq tlett binarji: in-nuqqas ta’ rispett lejn it-tobba, l-infermiera u l-assistenti li jaħdmu f’dawn iċ-Ċentri, in-nuqqas ta’ rispett lejn l-eluf ta’ pazjenti minn madwar Malta u Għawdex li ta’ kuljum jagħmlu użu minn dawn iċ-Ċentri, kif ukoll il-ksur ta’ wegħda oħra mill-programm elettorali tal-Gvern Laburista.
Fi stqarrija, is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) innota kif it-tobba saħqu li l-mod kif qed ikunu trattati l-professjonisti li jridu jikkuraw lil min jagħmel użu miċ-Ċentri tas-Saħħa qed jipperikola s-servizz. Uħud minnhom mhumiex qed jieħdu l-leave li huma intitolati għalih u saħansitra qed jispiċċaw jitilfuh. It-tobba qalu wkoll li mhux ikun hemm tobba biżżejjed minkejja li żdied qatigħ in-numru ta’ pazjenti.
L-SĦPN qal li din it-telqa sfrenata min-naħa tal-Gvern qed iġġiegħel biex numru konsiderevoli ta’ tobba qed ikunu mġegħla jitilqu b’effett dirett fuq it-tobba l-oħra li jibqgħu jaħdmu hemm.
L-istqarrija tinnota kif il-Gvern hu wisq mitluf biex jiddefendi lilu nnifsu mill-iskandli li ta’ kuljum qed jifnu t-tmexxija ta’ pajjiżna. Il-Gvern jidher li m’għandux moħħ isolvi dawn il-problemi, b’dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà qed ibatu direttament u jkomplu jaqgħu lura.
L-SĦPN fakkar li sa ftit tal-jiem ilu, il-Kura Primarja tas-Saħħa kienet taqa’ direttament taħt il-Ministru Konrad Mizzi, li minn dak kollu li ħareġ s’issa aktar kien moħħu biex ibigħ l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Jidher li n-negozjati ta’ dawn il-kuntratti ħadulu l-ħin kollu u ma ħallewlux ħin biex isolvi problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom eluf ta’ pazjenti kuljum.
L-SĦPN kompla li fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, wieħed isib iswed fuq l-abjad li t-tisħiħ tal-Kura Primarja se jkun pern important tal-ħidma tal-Gvern Laburista. Ingħad ukoll li se jkun servizz tal-ogħla livell, b’immodernizzar fiċ-Ċentri tas-Saħħa, li kellhom iwasslu biex jikkumplimentaw is-servizzi mogħtija fl-Isptar Mater Dei b’involviment tal-professjonisti.
L-istqarrija temmet tgħid li jidher ċar li minn dan kollu m’hemm xejn. Il-Gvern jidher li nesa’ x’wiegħed hu stess qabel l-elezzjoni. Il-Gvern hu biss moħħu biex jgħatti xturu u jiddefendi lilu nnifsu mill-iskandli, b’abbandun totali ta’ dawk l-aktar li għandhom bżonn.
//= $special ?>