Aġġornata : Fi tweġiba, is-surmast tal-iskola ċaħad kull allegazzjoni fl-istqarrija tal-MUT. Hu sostna li kuntrarju għal dak li tallega l-istqarrija, hu qatt ma obbliga li ħadt u filfatt l-open day ta’ din is-sena kienet kanċellata.
Aktar kmieni : Il-Union tal-Għalliema (MUT) ordnat tilwima industrijali fil-Giovanni Curmi Higher Secondary School tan-Naxxar u tat direttiva lill-membri tagħha biex ma jattendux l-“Open Day” li qed tiġi organizzata mis-Surmast tal-Iskola.
Din l-“Open Day” kienet diġà saret is-sena l-oħra u spiċċat ħolqot ħafna tensjonijiet u nkwiet bejn edukaturi diversi minħabba li din is-suppost “Open Day” spiċċat monti tas-suġġetti akademiċi u kompetizzjoni bejn dipartimenti differenti minflok, kif isir f’kull istituzzjoni serja, showcase tax-xogħol li qed tagħmel l-iskola u l-edukaturi tagħha.
Fi stqarrija l-MUT qalet illi t-tilwima kellha tiġi ordnata wara li s-Surmast tal-istess skola, għat-tieni sena konsekuttiva, impona fuq l-amministraturi u l-edukaturi kollha tal-iskola, bla ebda konsultazzjoni u wisq inqas kunsens, biex jattendu din l-“Open Day” tard filgħaxija. Is-Surmast ta’ din l-iskola injora mhux biss l-appelli tal-Union biex dan ilaqqa’ lill-istaff, issir diskussjoni u tittieħed deċiżjoni demokratika, iżda injora wkoll ordni tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi u tal-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jagħmel propju dak li appellat il-Union.
Dan minkejja l-fatt li ħafna edukaturi lesti li jmorru jagħtu sehemhom għall-“Open Day” imma mhux lesti jaċċettaw dittatorjat fl-iskola tagħhom, liema dittatorjat qed jiġi manifestat fuq diversi deċiżjonijiet oħra meħuda mill-istess Surmast, li l-ewwel jiddeċiedi, imbagħad jippubblika d-deċiżjoni, imbagħad taparsi jikkonsulta wara li kollox ikun lest.
Intqal illi dan is-Surmast, li fil-weekend mar għand il-Ministru nnifsu biex minn għalih il-Ministru jsiblu xi formula maġika li biha jsolvi t-tbażwira li għamel, ġie jaqa’ u jqum mill-fatt li d-Direttur Ġenerali talab għal laqgħa konċiljatorja mal-Union u minflok mar fuq diversi programmi televizivi qisu qatt ma kien xejn u jibgħat korrespondenza lill-edukaturi tiegħu biex javżahom fuq liema programmi se jidher.
Għaldaqstant l-MUT qed titlob lill-Ministeru tal-Edukazzjoni jinvestiga l-mod ta’ kif dan is-Surmast qed imexxi din l-iskola u lill-edukaturi ta’ taħtu, kif ukoll qed titlob lill-Ministeru biex jinvestiga jekk kienx hemm abbuz ta’ pożizzjoni meta l-istess Surmast talab li jitneħħa l-warrant ta’ għalliema wara li din ħadet inizjattiva biex tbiddel mistoqsija f’class-based test li kienet se tippreżenta diffikultà lill-istudenti – liema każ ġie mormi ‘l barra mill-Kunsill tal-Professjoni tal-Għalliema u sewa madwar €3000 fi spejjeż inutli.
//= $special ?>