Lokali

IL-KAŻ TAL-VOTI BI KSUR TAL-LIĠI: Owen Bonnici jgħid li “m’hemm l-ebda abbuż”

Skont il-Ministru Owen Bonnici ma jara li hemm xejn abbużiv fil-mod kif qed jingħataw il-voti lil ċittadini barranin li jixtru ċ-ċittadinanza. Dan minkejja li dokumenti żvelati nhar il-Ħadd juru ksur ċar tal-kostituzzjoni u abbuż tal-liġi.

Kien il-PN illi l-ġimgħa l-oħra żvela dan l-aħħar skandlu tal-Gvern, li fih hemm involuta ukoll Identity Malta – Aġenzija li taqa’ taħt il-Ministru Bonnici. Mistoqsi x’qed jagħmel il-Gvern u x’passi ħa quddiem dawn il-każ ta’ ksur tal-liġi, Owen Bonnici qal li l-Kummissjoni Elettorali hija indipendenti.

Il-Ministru Bonnici kien qed iwieġeb domandi tal-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħabarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-Ministru Chris Cardona u l-eks President Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi – it-tlieta li huma kandidati għall-kariga ta’ Deputy Leader Laburista.