It-tmexxija tal-kapitali Taljana Ruma, bdiet kampanja biex tħeġġeġ lin-nies u kumpaniji sinjuri biex jadottaw monument fil-belt u jgħinu fir-restawr tiegħu u jevitaw li oħrajn jintilfu minħabba n-nuqqas ta’ attenżjoni.
B’kollox it-tmexxija ta’ Ruma qalet li hemm bżonn tal-anqas 500 miljun ewro biex isir dak li hemm bżonn fuq l-aktar monumenti importanti, imma b’dejn ta’ 12-il biljun ewro, il-kunsill tal-kapitali Taljana m’għandux il-flus biex jagħmel dan.
Claudio Parisi Presicce, li hu responsabbli tal-kultura ta’ Ruma, qal li hemm bżonn li terġa’ tinbena r-rabta bejn il-poplu u l-monumenti u l-intervent ta’ nies ta’ rieda tajba.
Iżda Francesco Paolo Tronca, li nħatar mill-Gvern biex imexxi Ruma temporanjament wara li s-sena li għaddiet kien hemm skandlu ta’ korruzzjoni li kien jinvolvi t-tmexxija ta’ Ruma, qal li se jkun diffiċli li wieħed jikseb il-fiduċja tan-nies wara dan l-iskandlu.
Tul dawn l-aħħar snin diġa kien hemm inizjattiva simili li rat l-aktar ditti prestiġjużi Taljani jieħdu ħsieb ir-restawr ta’ xi monument ewlieni Taljan. Fost l-oħrajn, id-dar tal-moda Fendi kienet ħadet ħsieb ir-restawr tal-Funtana ta’ Trevi, filwaqt li d-ditta taż-żraben Tod’s qed tieħu ħsieb ir-restawr tal-Kolossew.
Agħfas il-link għall-ħidma li saret minn Fendi fuq il-Funtana di Trevi
Il-kumpaniji u nies sinjuri mħeġġin jadottaw il-monumenti ta’ Ruma
