Lokali

Il-Libjani mfittxija wara l-mewt tal-Kolumbjan – instabu moħbija fi gwardarobba f’garaxx

Il-Pulizija arrestat liż-żewġ Libjani li kienet qed tfittex b’rabta mal-mewt ta’ Kolumbjan wara argument f’Paceville. Jirriżulta li dawn kienu moħbija fi gwardarobba f’garaxx f’San Lawrenz.

Fi stqarrija, il-Pulizija kkonfermat li l-Libjani, Zyad Mohamed Drebeka ta’ 23 sena u Ahmed Rasem Franko ta’ 29 sena, it-tnejn mil-Libja, kienu arrestati.

Il-Libjani nstabu mistoħbijin mill-Pulizija tad-distrett ta’ Għawdex waqt tfittxija li saret f’appartament fi Triq il-Wileġ f’San Lawrenz, wara li dawn rċevew rapport li fl-Għarb kien hemm żewġ Għarab oħra li kienu qed jaġixxu b’mod suspettuż.

Skont il-President tal-POU Sandro Camilleri, huma ġew arrestati minn sitt uffiċjali tal-Pulizija (PC342, PC60, PC951, PC133, PS1040 u PC534) u fil-post instabet ukoll ammont ta’ droga kannabis kif ukoll affarijiet oħra relatati mal-użu tad-droga.

Il-Kolumbjan, Carlos Augusto ta’ 37 sena, miet tlett ijiem wara li kien involut f’argument f’Paceville u sofra ġrieħi serji.

Iż-żewġ Libjani, li jiffrekwentaw ta’ spiss Paceville, servew fl-Armata Libjana fi żmien ir-reġim ta’ Gaddafi u kienu Malta wara li ngħataw l-istatus ta’ protezzjoni.