Fi kliem il-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, il-pożizzjoni ta’ Keith Schembri mhix aktar tenibbli għaliex għamel ħsara enormi fil-pajjiż bi skandlu li ħoloq rabja kbira, anke fi ħdan il-Partit Laburista stess.
Hekk kif il-Parlament qed jiddiskuti l-mozzjoni ta’ ċensura kontra l-Prim Ministru, wara li isem Keith Schmebri iċċappas fil-Panama Papers, Beppe Fenech Adami qal li din hija mozzjoni li tiffoka fuq iċ-Chief of Staff f’Kastilja li kien magħżul direttament minn Joseph Muscat – il-persuna li kien ġie deskritt minn Muscat innifsu bħala “ħabib”, għażlu biex ikun ir-righthand man tiegħu, u kellu jkun il-mutur ta’ dan il-Gvern.
Illum, Schembri spiċċa aktar b’saħħtu mill-Prim Ministru, huwa l-persuna li jiddetta lill-Ministri u mażra ma’ għonq il-Prim Ministru. “Din hija s-sitwazzjoni gravi li jinsab fiha l-pajjiż illum”, sostna Beppe Fenech Adami.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal illi ħadd ma jista’ jifhem kif il-Prim Ministru, quddiem din is-sitwazzjoni gravi ħafna għas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna, baqa’ ostaġġ mhux biss ta’ Keith Schembri iżda anke ta’ Konrad Mizzi.
Għalhekk, din il-mozzjoni kienet importanti sabiex dak li ma kienx kapaċi jagħmel il-Prim Ministru isir mill-għola istituzzjoni tal-pajjiż.
Waqt l-intervent tiegħu, Beppe Fenech Adami fakkar kif żviluppa dan l-iskandlu fl-aħħar xhur. Irrefera b’mod partikolari għall-fatti li joħorġu mill-Panama Papers fejn kien issemma’ illi l-kumpaniji sigrieti fil-Panama kienu bdew jinfetħu ftit jiem biss wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013. U allura, ftit jiem biss wara li Keith Schembri daħal spalla ma’ spalla ma’ Muscat u Konrad Mizzi f’Kastilja.
Beppe Fenech Adami spjega għaliex min jinvesti fil-Panama ikun qed jorbot ismu mal-‘ħmieġ’, u skont il-Viċi Kap Nazzjonalista, din kienet għażla pjanata. “Dan hu l-istess post fejn fetħu kumpaniji id-Dittatur Ben Ali, it-tfal ta’ Gaddafi, u Aliyev tal-Ażerbajġan. Huwa l-istess post fejn imorru traffikanti tad-droga, kriminali mill-agħar pajjiżi Afrikani, u nies maħmuġa li jridu jaħslu l-flus tagħhom”.
Beppe Fenech Adami qal illi d-diċenza titlob li isem pajjiżna għandu jinżamm nadif. Iżda sfortunatament il-Prim Ministru Muscat ma jistax joħodha kontra l-id il-leminija tiegħu.
Fi kliem Beppe Fenech Adami, dan l-iskandlu tal-Panama mhux se jisparixxi. U fakkar ukoll kif f’pajjiżi oħrajn, politiċi li issemmew fil-Panama Papers kellhom jirriżenjaw minnufih.
Fil-każ ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, mhux talli dawn ma rriżenjawx iżda spiċċaw jinġbew wara sensiela ta’ skużi, li Beppe Fenech Adami sejħilhom “gideb” illi inqabdu fihom.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista tkellem ukoll fuq il-kumpanija Egrant u saqsa ta min hi din il-kumpanija sigrieta. “Meta jkollok is-skiet, ikollok id-dubji li jiżdiedu”, saħaq Fenech Adami.
Sostna li s-sitwazzjoni preżenti hija inkwetanti anke meta wieħed iħares lejn it-tentattivi ripetuti ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi biex jiftħu kont f’bank barra pajjiżna.
Matul l-intervent ta’ Beppe Fenech Adami intqal illi dawn iż-żewġ persuni – Keith Schembri u Konrad Mizzi – kienu fil-qalba tad-deal illi sar maċ-Ċiniżi għall-bejgħ tal-Enemalta.
Il-Viċi Kap tal-PN temm billi appella lin-naħa tal-Gvern biex ma jidħkux bihom infushom u ma jippruvawx iwaħħlu f’ħaddieħor. Id-deputati tal-Gvern għandhom ikunu onesti u ma jinjorawx dan l-iskandlu.
Id-dibattitu fil-Parlament beda fit-3:30pm bil-qari tal-mozzjoni li tressqet mid-deputat indipendenti Marlene Farrugia. Beppe Fenech Adami issekonda din il-mozzjoni.
//= $special ?>