Lokali Qorti

“Każ imsejjes fuq il-fantasija ta’ xhud li llum jinsab Mount Carmel” – id-Difiża

L-akkużi kollha li qed tressaq il-prosekuzzjoni huma msejsa fuq il-fantasija ta’ xhud li ġie boarded out mill-Korp tal-Pulizija minħabba problemi ta’ saħħa mentali u li llum qiegħed fl-Isptar Mount Carmel. Sostna dan l-Avukat Joe Giglio fit-trattazzjoni tiegħu fil-każ kontra l-eks Spettur tal-Pulizija David Gatt.

Gatt, illum avukat, jinsab akkużat b’kompliċita’ f’diversi reati fosthom fl-attentat ta’ serqa mill-kwartieri tal-HSBC f’Ħal Qormi fl-2010, hold-up fuq ġojjellerija f’Ħ’Attard fl-2011 u kompliċita’ f’hold-up fuq fergħa tal-bank HSBC f’Ħal Balzan fl-2007 fejn f’din tal-aħħar kien irrapportat li nsterqu €1 miljun fi flus kontanti.

Quddiem il-Maġistrat Antonio Micallef Trigona, l-Avukat Giglio attakka l-kredibilita’ tal-eks PC99, li kien ix-xhud ewlieni tal-Prosekuzzjoni. Hu qara siltiet mix-xhieda ta’ dan l-eks pulizija fejn iddeskriva lill-akkużat Gatt bħala “bniedem li jolqtok bil-mod superjuri tiegħu u fija nibtet kurżita’ psikoloġika. Ħassejtni psikoloġikament possedut minnu”.

L-Avukat Giglio kompla li l-fantasija ta’ dan ix-xhud hi waħda inkredibbli li fiha jgħid li l-imputat hu nvolut f’żewġ omiċidji, ħruq ta’ karozzi, u li Gatt hedded li jaħraq id-dar ta’ (Eddie) Fenech Adami u jisplodi d-dar tal-Avukat Ġenerali.

Id-Difiża kompliet li kien hemm ukoll kontradizzjonijiet fix-xhieda ta’ PC99, fosthom meta qal li Gatt ipponta arma lejh u qallu li se tisma’ “enter the dragon” eżatt qabel jibda l-hold up fuq l-HSBC meta rriżulta li l-arma kienet akkwistata wara l-hold-up. Okkażjoni oħra fejn ix-xhud inqabad jigdeb kienet meta qal li fl-1999 David Gatt sab borza flus li kienet ta’ Michael Mizzi, is-sid tal-ġojjellerija Gold Market, u l-akkużat kien irrabjat li Mizzi ma tahx “tip” meta rritornalu l-flus tant li ordna li jsir hold-up fuq l-istess ħanut. Wara irriżulta li Mizzi ma kien jaf xejn dwar David Gatt u dwar xi borża flus. Joe Giglio fakkar ukoll li skond ix-xhud PC99, David Gatt ħaraq il-karozza tal-editur tal-gazzetta Maltatoday Saviour Balzan, ħaraq il-karozza tal-għarus ta’ avukata li ma żammitlux post fir-restaurant waqt ikla għall-avukati u li wettaq żewġ omiċidji.

“B’dawn ir-reati kollha, l-akkużat mhux capo dei capi, imma Dio degli Dei u jpoġġi lil Toto’ Riina to shame“, osserva l-Avukat Giglio. Hu kompla li lanqas il-Prosekuzzjoni m’hi temmen ix-xhud tagħha stess għaliex ma akkużatx lil David Gatt biż-żewġ omiċidji u l-ħruq ta’ żewġ karozzi kif kien allegat mill-eks PC99.

Fakkar ukoll li minħabba l-fantasija ta’ xhud wieħed, il-klijent tiegħu tkeċċa inġustament mill-Korp tal-Pulizija,liema kawża rebaħ għal darba darbtejn u għandu jieħu lura mal-€130,000 f’arretrati ta’ paga.

L-Avukat Giglio temm it-trattazzjoni billi qal li filwaqt li l-magna tal-ġustizzja iddum, hu konvint li se tagħmel ġustizzja miegħu.

L-Ispettur Joseph Mercieca u Michael Mallia qed imexxu l-Prosekuzzjoni.

Il-Każ ġie differit għas-sentenza mill-Maġistrat Micallef Trigona għad-9 ta’ Novembru li ġej.