Internazzjonali

Offensiva kontra Raqqa

Jidher li ġellieda Kurdi taw bidu għal offensiva ġdida biex jieħu l-kontroll tal-belt ta’ Raqqa fis-Sirja. Il-belt meqjusa bħala l-kapitali tal-ISIS.
Dan qed iseħħ hekk kif fl-Iraq qed tkompli l-offensiva tal-armata Iraqina kontra Fallujah u fejn qed ikun hemm ħafna ġlied qalil. Fallujah għandha valur kemm strateġiku kif ukoll simboliku. Dan peress li kienet l-ewwel belt ewlenija li kienet spiċċat f’idejn l-ISIS fl-2014 u flimkien ma’ Mosul hi l-aktar belt importanti f’idejn l-ISIS fl-Iraq.
L-offensiva kontra Raqqa qed titqies bħala l-aktar waħda sinifikanti minn mindu din il-belt kienet dikjarata kapitali tal-ISIS fl-2014.
S’issa jidher li l-ġlied qed isir tul it-toroq li jwasslu għall-belt u għadd m’hemmx indikazzjoni meta l-assalt veru proprja kien se jibda kontra Raqqa.