Raġel kien ordnat li jneħħi żewġt iklieb deskritti bħala “feroċi u tal-ġlied” minn passaġġ li jintuża minn sidien ta’ razzett.
Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Joseph Azzopardi, semgħet kif l-esponent, Piju Borg ma setax juża l-passaġġ li jagħti għar-razzett tal-ħnieżer fil-limiti tal-Birgu li hu propjeta’ tiegħu minħabba li l-konvenut Daniel Orsini bena kmamar żgħar fil-passaġġ li fihom kien qed iżomm klieb “feroċi u tal-ġlied”. Dawn il-klieb kienu miżmumin permezz ta’ katina twila u meta Borg kien jipprova jgħaddi mill-passaġġ, dawn il-klieb kienu jippruvaw iħebbu għalih.
Fix-xhieda tiegħu, Piju Borg kien qal li huma kienu jibżgħu minn dawn il-klieb, mhux biss għax kienu jinbħu iżda wkoll għax ġieli ma kienux marbutin. Dan kien konfermat ukoll mix-xhieda ta’ Alfred Orsini, missier il-konvenut, li qal li l-klieb ġieli qatgħu il-katina li jkunu marbutin biha.
Hu talab lill-Qorti tiddikjara li bl-aġir tiegħu Orsini qed jikkaġuna molestja gravi fuq id-drittijiet ta’ Borg li jagħmel użu u jgawdi mill-propjeta’ tiegħu u konsegwentement talab li l-Qorti tordna l-iżgumbrament ta’ dawn il-klieb mill-passaġġ.
Min-naħa tiegħu, Orsini wieġeb li Borg għandu aċċess ieħor minn triq pubblika li jagħti għar-razzett tiegħu u m’għandux servitu’ fuq dan il-passaġġ u li mhux minnu li qed jimmolesta d-dritt tat-tgawdija tal-propjeta’ minn Borg.
Il-Qorti nnutat li ċertament kien hemm molestja gravi għalkemm din naqset peress li minn sitt iklieb, issa fadal biss tnejn. L-Imħallef Azzopardi laqgħet it-talba ta’ Piju Borg u ordnat li l-klieb ikunu żgumbrati mill-passaġġ. L-Avukat William Cuschieri deher għal Piju Borg filwaqt li Daniel Orsini kien assistit mill-Avukat Pawlu Lia.
//= $special ?>