Hekk kif bħalissa fir-residenza San Vinċenz de Paul għaddej xogħol fuq is-sala RB1 – Rużar Briffa, ir-residenti u dawk li jżuruhom qed jitpoġġew f’periklu kontinwu minħabba prattiċi li jmorru kontra r-regoli tas-saħħa u s-sigurtà.
Ritratti li waslu għand dan is-sit juru kif il-ħaddiema li qed jagħmlu x-xogħol fuq din is-sala qed jarmu l-materjal għal isfel, mit-twieqi u l-bejt għal-livell tat-triq. Ir-ritratti juru wkoll kif fil-post hemm numru ta’ skips fejn għandu jitnrema dan il-materjal, li minflok jidher mifrux mal-art.
Dan fl-istess waqt li xi pazjenti kienu għadhom fis-sala li fuqha qed isir ix-xogħol qabel iktar tard bdew jinħarġu ftit ftit lejn is-sala RB3. Iżda jirriżulta li mhux il-pazjenti kollha tpoġġew f’din is-sala alternattiva, b’uħud jispiċċaw fil-foyer tal-kumpless Rużar Briffa u fil-kuritur li jagħti għall-istess sala.
Dan bil-konsegwenza ta’ nuqqas assolut ta’ privatezza għall-anzjani residenti f’San Vinċenz de Paul, b’viżitaturi jispiċċaw iżuru lil qrabathom f’dawn iż-żoni komuni karatterizzati minn numru ta’ anzjani mixħuta bla dinjità fuq stretchers.