Parlament

“Is-settur finanzjarju irid li l-Gvern jagħlaq l-iskandlu tal-Panama” – Kristy Debono

Wara li xellifna r-reputazzjoni ta’ Malta, is-settur finanzjarju f’pajjiżna qed jitlob illi l-Gvern jagħlaq malajr kemm jista’ jkun l-iskandlu tal-Panama Papers u ma jikbrux ir-riperkussjonijiet fuq Malta. Dan qalitu l-kelliema tal-PN għas-servizzi finanzjarji Kristy Debono waqt id-dibattitu fil-Parlament.

Id-deputat Kristy Debono qalet li wara tliet xhur, pajjiżna għadu mwaħħal f’dan l-iskandlu. U huwa propju għalhekk li l-poplu għandu jiżen l-aġir tal-Prim Ministru Muscat quddiem dan l-akbar skandlu fl-istorja politika ta’ pajjiżna.

Kristy Debono iffukat fuq is-settur finanzjarju u l-effett li qed ikollu l-iskandlu tal-Panama fuq dan il-qasam tant importanti għal Malta. Hi qalet illi l-Prim Ministru sippost jaf kemm huwa importanti għal dan il-qasam li Malta iżżomm reputazzjoni tajba.

Id-deputat nazzjonalista qalet li s-settur finanzjarju għadu qed jistenna li l-Prim Ministru jieħu deċiżjoni fil-konfront ta’ Keith Schembri u l-Konrad Mizzi. Insistiet illi bħalissa għandna “bomba tal-ħin” għal dan il-qasam tant importanti, u qed inħallu isem pajjiżna jkompli jittappan.

Kristy Debono temmen li dan l-iskandlu se jtellef mill-kompetittivita’ ta’ Malta fis-servizzi finanzjarji. U agħar minn hekk, għandna Gvern li spiċċa jattakka lill-operaturi f’dan is-settur u lill-intermedjarji.

“Ejja ma nkomplux nidfnu dan is-settur tas-servizzi finanzjarji”, qalet Debono fi tmiem l-intervent tagħha, filwaqt li appellat biex il-każ jingħalaq malajr billi l-Gvern jiċċara d-dubju kollha li jdawwru dan l-iskandlu u tintrefa r-responsabbilta’ politika. Iżda sa issa, dan l-iskandlu għadu miftuħ beraħ.