Wara li traqqdet Masha u kelb li nstab fis-Siġġiewi – jammettu li hemm bżonn titjib

Jiem wara li s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes attakka lill-midja u ddefenda lill-Animal Welfare, għax qal li kelb abbandunat fis-Siġġiewi traqqad fuq ordni ta’ veterinarju, issa l-Gvern qed jammetti li hemm bżonn titjib fid-Direttorat.

B’rabta ma’ dan il-każ, u fl-aħħar sigħat anke wara li traqqdet il-qattusa Masha, li tant kienet maħbuba wara li għal 18-il sena għexet fi Triq Melita fil-Belt Valletta, Roderick Galdes irċieva xita ta’ kritika anke għaliex naqas milli jordna inkjesta u minflok baqa’ jiddefenda dak li seħħ.

Issa, wara din il-kritika kollha, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima José Herrera u s-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes ħarġu stqarrija konġunta fejn esprimew it-tħassib tagħhom.

Tħabbar li qed jappuntaw bord intern sabiex iħejji rapport u jagħti r-rakkomandazzjonijiet ħalli jkun hemm titjib fl-operat ta’ dan id-Direttorat.