BLOGS

Id-demokrazija tal-vot

Spiss nitkellmu fuq id-demokrazija u fuq kif id-demokrazija hi valur mill-aktar importanti għal pajjiż modern li jirrispetta s-saltna tad-dritt. Spiss nitkellmu fuq id-demokrazija bħala l-valur l-aktar bażiku tal-politika u li hu l-pedament tas-sistema politika tagħna. Spiss nitkellmu fuq kemm hu importanti għall-kwalità ta’ ħajja aħjar li l-bniedem ikun tassew liberu u jgħix f’soċjetà ġusta u demokratika b’dawn it-tliet kunċetti marbuta tant intimament ma’ xulxin.

Iżda demokrazija xi tfisser eżatt? Demokrazija tfisser biss li l-gvern tal-ġurnata darba kull ħames snin isaffar is-suffara u jsejjaħ elezzjoni ġenerali fejn wara l-mass meetings u x-xita ta’ riklamar immorru nivvotaw? Demokrazija tfisser biss li fil-pajjiż hemm għażla ta’ partiti politiċi u għaqdiet mhux governattivi kollha bit-twemmin politiku tagħhom jew aġenda speċifika?

Li kieku d-demokrazija hi biss l-elezzjoni ġenerali, kieku allura aħna demokratiċi darba kull ħames snin u mhux demokratiċi l-bqija taż-żmien. Demokrazija tfisser li fil-pajjiż hemm istituzzjonijiet li jservu bħala checks and balances għal xulxin. Demokrazija tfisser li l-gvern mhuwiex ‘il fuq mil-liġi. Demokrazija tfisser li meta xi ħadd, anki jekk qrib ħafna tal-Gvern, jabbuża mill-kariga tiegħu, dan għandu jwieġeb ta’ għemilu u jkun kontabbli lejn il-poplu aktar u aktar meta jokkupa kariga fi ħdan il-Gvern li tkun iġorr magħha poter u responsabbiltà.

Demokrazija tfisser li l-Parlament, l-ogħla istituzzjoni eletta direttament mill-poplu, jingħata r-rispett u d-dinjità li jixraqlu. Dinjità li l-Parlament jista’ jkollu biss jekk jingħata d-dritt ta’ skrutinju liberu b’sens ta’ kontabbiltà u responsabbiltà. Dinjità li tinkiseb jekk fi ħdan il-Parlament il-mistoqsijiet tal-poplu jiġu mistoqsija u mwieġba b’sens ġenwin. Dinjità li tinkiseb jekk il-Parlament jitmexxa bl-aktar mod ġust, ċar u trasparenti u ħieles minn kull possibbiltà li l-affarijiet jibdew jidhru li huma bħalma jgħid l-Ingliż two weights and two measures.

F’soċjetà demokratika ma jkunx hemm vendetti politiċi jew ħatriet li jkollhom xamma qawwija ta’ favoritiżmu politiku. F’soċjetà demokratika, il-ħatriet isiru tassew fuq bażi meritokratika u l-meritokrazija mhijiex jekk tkunx dhert fuq xi billboard tal-partit li rebaħ l-elezzjoni, imma fuq verament x’taf int u x’isarraf fil-ħidma tiegħek. F’soċjetà fejn l-impressjoni hi li l-ħajja hi aktar faċli meta tkun mal-partit li hu fil-gvern milli mal-partit fl-oppożizzjoni bl-aktar mod ċar, anki jekk b’mod indirett, hemm pressjoni li tmur kontra l-kunċett tal-libertà politika u li wieħed jista’ jħaddan it-twemmin politiku tiegħu mingħajr biża’ jew favur.

F’soċjetà demokratika l-midja hi mhux biss permessa iżda mistennija li tkun kritika u investigattiva. Il-midja hi mistennija li bħala parti mill-ħidma tagħha tistaqsi l-mistoqsijiet li jkun qed jagħmel il-poplu u tivverifika t-tweġibiet li tkun qeda tirċievi. Soċjetà li bl-aktar mod ċar tipprova titfa’ sarima, diretta jew indiretta, ma’ ħalq il-midja hi evidentament soċjetà fejn il-fundamenti tad-demokrazija mhumiex rispettati bis-sħiħ.

Fuq kollox f’demokrazija mhux biżżejjed li sempliċiment ikun hemm fuq bażi regolari l-eżerċizzju tal-vot. Jeħtieġ li l-vot ikun liberu u ħieles u jkun jidher bħala wieħed liberu u ħieles bl-aktar mod evidenti. Jeħtieġ li l-proċess ikun trasparenti b’mod assolut u mhux imtappan b’xi dubju li jista’ jwassal għal dubji serji fuq il-proċess elettorali b’mod sħiħ.

Fl-aktar sens strett f’pajjiżna hawn demokrazija għax għandna għażla ta’ partiti politiċi li f’intervalli regolari għandhom id-dritt li jikkontestaw elezzjoni ġenerali li fiha jivvota l-poplu. Iżda fir-realtà l-ispirtu vera tad-demokrazija; il-pakkett sħiħ ta’ pajjiż demokratiku għadu b’saħħtu daqs kemm kien sa ftit tas-snin ilu jew qed jitnaqqar u jidgħajjef ma’ kull jum li jgħaddi?