Lokali Qorti

Jitressqu żewġ Libjani allegatament involuti fil-ġlieda bix-xwabel f’Paceville

Żewġ Libjani, Ramzi Abdulhafid u Ibrahim ben Jeddi it-tnejn ta’ 34 sena, tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Antonio Micallef Trigona, akkużati fost oħrajn b’attentat ta’ qtil ta’ tliet bouncers wara ġlieda f’Paceville ħamest ijiem ilu.

L-inċident kien seħħ fil-21 ta’ Mejju li għadda meta nqala’ argument bejn l-akkużati u l-bouncers William Briguglio, Simon Cassar u Carmelo Zammit wara li allegatament kissru xi ħġieġ. Wara li kienu skortati barra, l-akkużati telqu mill-post u allegatament irritornaw b’xabla orjentali tas-samurai u attakkaw lit-tliet bouncers bil-konsegwenza li kkaġunaw feriti ta’ natura ħafifa fuq William Briguglio u Carmelo Zammit.

Il-Pulizija għadha qed tfittex persuna oħra b’rabta ma’ dan il-każ.

L-akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Ramzi Abdulhafid, li m’għandux residenza fissa, hu mfittex ukoll mill-awtoritajiet Libjan. Fit-talba għall-ħelsien mill-arrest, id-difiża qalet li l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil hi waħda sproporzjonata. Barraminhekk Ramzi ingħata l-istatus ta’ refuġjat u għaldaqstant għandu kull interess li jibqa’ Malta u mhux jaħrab.

Il-Prosekuzzjoni opponiet għat-talba għaliex għandha iktar xhieda xi tressaq u hemm periklu li jkun hemm intralċ tal-provi. Barraminhekk, l-akkużati kienu maħrubin u nqabdu ilbieraħ filgħaxija.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-liberta’ proviżorja u l-Libjani qed jinżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Matthew Spagnol. L-Avukat Kathleen Grima qed tidher għal Ramzi Abdulhafid u l-Avukat Simon Micallef Stafrace qed jidher għal Ibrahim Ben Jeddi.