BLOGS

Realtà mhux perċezzjoni

Fid-dawl ta’ dak kollu li qed jiġri f’pajjiżna, impossibbli li wieħed ma jiqafx u jaħseb x’ġara ħażin u għaliex il-problema għadha magħna.

Primarjament, il-problema għadha magħna għax ma ttiħditx azzjoni biex din l-istess problema tiġi eliminata. Hu fatt li Malta kellha, anzi għandha, l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea li hu direttament involut u msemmi fil-famużi Panama Papers. Veru li din il-kwistjoni ilha għaddejja għal ġimgħat sħaħ, wisq, u hemm ħafna nies hemm barra li kważi għejjew jisimgħu fuq il-Panama. Iżda dan kollu hu riżultat ta’ Prim Ministru li, għal xi raġuni li jaf hu biss, ma ħax azzjoni, m’aġixxiex ta’ Prim Ministru u ma rax li l-interess tal-pajjiż jiġi l-ewwel.

Il-problema għadha magħna, għax Konrad Mizzi għadu hemm, Ministru bla Portafoll iżda li għadu jġib ruħu, u f’xi każijiet, jippreżenta lilu nnifsu bħala l-Ministru għall-Enerġija. Dawn huma kollha nuqqasijiet li jiġu meta fit-tmun tal-pajjiż ma jkollokx statista, affarijiet li qed jiġru minħabba l-aġir, jew in-nuqqas ta’ aġir, ta’ Joseph Muscat. Din mhix perċezzjoni, iżda hi r-realtà li jista’ jaraha kulħadd.

Kieku mhux miktub ma temmnux
Bħalma jagħmel ġurdien, meta jkun maqbud f’rokna … jattakka. Hekk qed jagħmel il-Partit Laburista, din id-darba permezz tal-gazzetta it-Torċa tal-Ħadd li għadda. Editorjal li jħammar wiċċ il-qarrejja tal-istess gazzetta u ta’ kull Laburist ġenwin. Editorjal li issa li induna li ma tistax tiddefendi l-indifensibbli, infexx f’attakk fuq in-Nazzjonalisti. Attakk li l-uniku skop tiegħu hu li jipprova jigranfa ma’ l-aħħar farka tama li fadallu –j iġifieri li jitfa’ t-tajn, jipprova jaljena lin-nies biex l-iskandlu tal-Panama jiddgħajjef. Editorjal li, kieku mhux għax tkun qed taqrah iswed fuq l-abjad, lanqas temmen li gazzetta tippermetti din it-tip ta’ kitba, aħseb u ara meta jkun l-editorjal stess.

Iżda bit-tgħajjir u l-insulti ma tirbaħx argumenti – l-argumenti jintrebħu bis-sewwa u dak hu prorju x’qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista mhux qed jagħmel argumenti pwerili, iżda qed jikkwota l-fatti. Hu fatt li Konrad Mizzi huwa involut direttament fl-iskandlu tal-Panama. Hu fatt li Keith Schembri wkoll huwa involut fl-istess skandlu. Hu wkoll fatt li t-tnejn huma qrib ħafna ta’ Joseph Muscat, li marru żjarat fl-Ażerbajġan waħedhom, li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama, li talbu għal segretezza totali, li ppruvaw jiftħu kontijiet il-bank iżda ma rnexxilhomx – mhux ma riedux, ma rnexxilhomx! Huma dawn il-fatti li poġġew lil Malta f’dell ikrah mad-dinja kollha.

Politika Onesta
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista, għal aktar minn darba għażel it-tema ta’ Politika Onesta – għalx hu dak li jixraqlu dan il-pajjiż, u għax hu dak li jixtieq il-poplu Malti u Għawdxi. Il-poplu jrid politiċi ġenwini li jaraw l-interess tal-pajjiż u l-ġid komuni bħala prijorità. Il-poplu jrid jara l-pajjiż miexi ‘l quddiem u l-kapaċitajiet tiegħu żviluppati iktar. Il-poplu jrid it-trasparenza u l-meritokrazjia. Il-poplu għażel dak li wiegħed il-Partit Laburista tliet snin ilu, iżda llum, tliet snin wara, qed jingħata l-oppost. Fil-Gvern ingħata politiċi li jaraw l-interess tagħhom u ta’ sħabhom l-ewwel, politiċi li jużaw il-pajjiż għall-benefiċċju tagħhom u politiċi li ġaladarba għandhom il-poter iridu jaraw li jiffangaw kemm jifilħu issa li għandhom iċ-ċans.

Iżda l-poplu hu sovran u għandu jkun kburi li fuq in-naħa l-oħra tal-kamra, għandu oppożizzjoni li lesta tkun it-tarka tal-poplu u lesta tiġġieled għal dak li hu dritt taċ-ċittadin – jiġifieri li jkun immexxi minn nies diċenti u onesti. Illum il-Partit Nazzjonalista qed jagħti din l-alternattiva lill-poplu Malti u Għawdxi u qed itih it-tama li pajjiżna jimxi ‘l quddiem u flimkien mal-pajjiż jimxu ‘l quddiem il-Maltin u l-Għawdxin kollha – b’hekk biss ikollok pajjiż b’saħħtu … mhux bil-qerq iżda bl-onestà.