Lokali

Trident Developments tħabbar żewġ karigi għolja

Trident Developments Ltd, kumpanija sussidjarja tal-Grupp Farsons, ħatret lil Charles Xuereb bħala ċ-Chief Executive Officer Designate u lil Chris Ciantar bħala ċ-Chief Operations Officer mill-1 ta’ Ġunju 2016.

Dawn il-ħatriet qed isiru bi tħejjija għall-ispin-off proposta li tissepara numru ta’ propjetajiet min-negozju ewlieni tal-ikel u x-xorb tal-Grupp Farsons u tgħaqqadhom flimkien f’kumpanija pubblika ġdida li għad trid tkun reġistrata fuq il-Borża ta’ Malta. Dan il-proċess iseħħ kemm-il darba ikun hemm l-approvazzjoni tal-azzjonisti waqt laqgħa ġenerali li għandha ssir fl-2017.

Charles Xuereb ser ikun qed jaħdem mill-qrib maċ-Chairman tal-Grupp Louis A Farrugia u mal-Bord tad-Diretturi, filwaqt li Chris Ciantar se jkun qed jappoġġja lil Xuereb fl-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali sinifikanti li ser jitwettqu mill-kumpanija l-ġdida. Fost dawn hemm ir-riabilitazzjoni u l-bidla tal-birrerija l-antika f’office business park, bi spazju għall-parkeġġ u servizzi anċillari oħra, attrazzjoni għall-viżitaturi, kif ukoll stabbilimenti ta’ ikel u xorb.

Charles Xuereb inħatar bħala ċ-Chief Financial Officer tal-Grupp Farsons fl-2005 u kien responsabbli għall-immaniġjar, id-direzzjoni u l-governanza finanzjarja tal-Grupp. Ir-responsabbilitajiet tiegħu kienu jinkludu wkoll Kontroll ta’ Kreditu, Teknoloġija tal-Informatika u Business Services. Hu ngħaqad mal-Grupp Farsons fl-1995 bħala Chief Accountant ta’ Food Chain Group, filwaqt li qabel kien jaħdem bħala Awditur ma’ PricewaterhouseCoopers. Hu wkoll membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Grupp Farsons u jifforma parti minn Bordijiet ta’ għaxar kumpaniji fi ħdan il-Grupp. Fl-2013, kien elett President tal-Malta Association of Credit Management (MACM), pożizzjoni li għadu jokkupa sal-lum.

Min-naħa l-oħra, Christopher Ciantar ilu involut fi Trident Developments sa mill-2014 u hu ċ-Chairman tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Mrieħel Enterprise Zone Foundation. Din hi inizjattiva ta’ public private partnership għat-titjib u l-iżvilupp taż-żona tal-Imrieħel. Ippubblika għadd ta’ studji dwar il-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja ambjentali ta’ prodotti u proċessi. Ciantar għandu aktar minn 15-il sena esperjenza fis-settur pubbliku, li minnhom kiseb esperjenza billi mexxa approċċi multidixxiplinarji għat-tfassil ta’ policies. Hu kellu involviment dirett f’għadd ta’ proġetti li jinvolvu teknoloġija nadifa, kif ukoll proġetti dwar il-konservazzjoni tal-ilma.