Internazzjonali

Aktarx instabet parti oħra tal-MH370

Esperti li qed isegwu l-għajbien tat-Titjira MH370 tal-Malaysia Airlines qalu li hemm probabbiltà li parti li nstabet fuq bajja fil-Mozambique aktarx ġejja mill-ajruplan li għeb f’Marzu tal-2014.
L-awtoritajiet relevanti kienu notifikati wara li raġel ikkuntattja lill-BBC bl-informazzjoni li hu, fl-aħħar jiem, kien sab din il-parti fil-penisola ta’ Macaneta.
Filwaqt li l-parti inkwistjoni għad trid tgħaddi mill-investigazzjoni uffiċjali tal-esperti fl-Awstralja, numru ta’ esperti oħra qalu li ċ-ċirkostanzi tas-sejba huma ‘konsistenti ma fejn, xhur ilu, kienu nstabu biċċiet ta’ debris assoċjati mal-ajruplan inkwistjoni’.
L-ajruplan tal-Malaysia Airlines kellu 239 persuna abbord meta għeb u jaħsbu li hu kien iġġarraf fl-Oċean Indjan wara li ħareġ mir-rotta programmata. L-ajruplan kien fuq titjira minn Kuala Lumpur, fil-Malasja, lejn Beijing, fiċ-Ċina.