Ambjent Lokali

Appell ieħor mill-MDA biex it-trasferiment ta’ art pubblika għal skopijiet ta’ żvilupp isiru bil-prezz kummerċjali tal-ġurnata

Il-Gvern għandu jara li t-trasferimenti ta’ art pubblika lill-privat bħal skopijiet ta’ żvilupp għandu jkun bil-prezz kummerċjali tal-ġurnata u mhux b’xi rati baxxi.

Hekk reġgħet appellat il-Malta Developers Association (MDA) fi stqarrija, li fiha rreferiet għan-negozjati li qed isiru mill-Gvern dwar it-trasferiment ta’ siti lill-privat, bl-iskop li dawn ikunu żviluppati.

Irreferiet fost l-oħrajn għas-sit tal-White Rocks u oħrajn, partikolarment billi dawn jinkludu żvilupp ta’ postijiet residenzjali li se jitpoġġew fuq is-suq b’kompetizzjoni ma’ żviluppi oħrajn li jkunu nbnew fuq art privata.

L-MDA qalet li fil-prezz tat-trasferiment, il-Gvern għandu jikkunsidra l-volum ta’ bini li se jkun permissibbli fuq l-art, kif ukoll in-natura tal-iżvilupp. Sostniet li l-Gvern għandu joqgħod attent ukoll biex jevita l-bejgħ ta’ numru sostanzjali ta’ siti kollha f’daqqa, bl-iskop li dawn ikunu żviluppati sostanzjalment b’postijiet residenzjali.

L-MDA temmet tgħid li perfettament mal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li dan l-aħħar emfasizza l-importanza li l-ebda settur ekonomiku ma għandu jitħalla jikber iżżejjed u jilħaq il-limitu tal-kapaċità tiegħu.