Lokali

Il-Kamra tal-Avukati tistenna li l-Prim Ministru jiddiżassoċja ruħu mill-kummenti ta’ Glenn Bedingfield

Il-Kamra tal-Avukati kkundannat bla ebda riżervi l-artikolu li nġieb fuq il-blog ta’ Glenn Bedingfield, konsulent tal-Prim Ministru f’Kastilja bl-isem “Flok ħadet is-siġġu li riedet, tathom tnejn.” Dan l-artiklu kien attakk bla preċendent fuq l-imħallef Lorraine Schembri Orland.

Fi stqarrija intqal illi filwaqt li l-Kamra dejjem iddefendiet id-dritt għall-liberta tal-espressjoni u l-liberta’ tal-istampa, u filwaqt li ttenni li kulħadd għandu d-dritt illi jikkritika l-kontenut ta’ sentenza fejn ma jaqbilx, huwa totalment inaċċettabbli illi l-materja tiġi personalizzata u tiġi kkritikata l-persuna tal-ġudikant.

Matul is-snin ġew appuntati diversi nies bħala ġudikanti w uħud minnhom kienu jimmilitaw anke b’mod attiv f’partit politiku jew ieħor, iżda dawn dejjem għarfu dmirijiethom u mxew b’imparzjalita, għaqal u serjeta’ fl-aħjar interess tal-ġustizzja.

Kummenti bħal dawk ta’ Bedingfield fuq ġudikant huma kundannabbli dejjem u jiġu minn fejn jiġu u huma aktar kundannabbli u inaċċettabbli meta jsiru minn kelliem tal-Prim Ministru għaliex b’hekk tiġi mminata l-fiduċja u r-rispett illi jgawdu l-ġudikanti tagħna.

Il-Kamra tistenna li l-Prim Ministru pubbikament jiddiżassoċja ruħu minn dawn il-kummenti kif wkoll illi l-Ministru tal-Ġustizzja jikkundanna bl-aktar mod iebes u mmedjat dan l-attakk li jista’ jkollu effett negattiv ukoll fuq il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura mhux biss lokalment, iżda wkoll f’fora internazzjonali.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista jirreferi għall-istqarrija li ħarġet il-Kamra tal-Avukati aktar kmieni llum, li fiha nsistiet li l-Prim Ministru pubblikament jiddiżassoċċja ruħu mill-kummenti ta’ Glenn Bedingfield, li fetaħ attakk bla preċedent fuq il-ġudikatura.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-attakk fuq il-ġudikatura minn ufficjal mħallas mit-taxxi tal-poplu u li jahdem fl-ufficcju tal-Prim Ministru.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li Joseph Muscat għandu jitratta lil Glenn Bedingfield bl-istess mod li kien tratta ma Anġlu Farrugia f’Diċembru 2012 meta neħħieh minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista minħabba kummenti li għadda fuq il-ġudikatura. Il-kummenti ta’ Anglu Farrugia dakinhar kien ferm anqas serji mill-attakki ta’ Glenn Bedingfield fil-konfront ta’ Imħallef.

Fi stqarija il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Prim Ministru għandu test car u sempliċi quddiemu u dan hu jekk hux lest li jneħħi lil Glenn Bedingfield bħalma kien neħħa lil Anġlu Farrugia. Jekk ma jagħmilx dan, il-Prim Ministru jkun qed jikkonferma dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista din il-gimgħa li f’pajjiżna sar għandna liġi għall-allat ta’ Kastilja u liġi oħra li tapplika għan-nies komuni.

Ara dak li kiteb Glenn Bedingfield hawn taħt.

bedingfield