Qed ikun hemm sriebet twal madwar Franza biex jimlew il-karozzi tagħhom bil-fuel waqt li qed jippersistu l-azzjonijiet industrijali fir-raffineriji taż-żejt.
Wara li, fl-aħħar jiem, il-pulizija intervjeniet biex tneħħi l-istati ta’ assedju madwar ir-raffineriji u d-depots għad-distribuzzjoni tal-fuel, il-Prim Ministru Valls qal li, fil-preżent, bejn 20 u 30 fil-mija tal-istazzjonijiet tal-petrol spiċċaw ‘niexfa’ inkella neqsin minn ċertu tipi ta’ fuel.
Il-union CGT ta’ Franza, bħalissa, qed tipprova tostakola l-provvisti tal-enerġija u l-fuel, filwaqt li tfixkel is-sistemi tat-trasport pubbliku. Dan bħala parti minn konfront jaħraq bejn il-union u l-Gvern Franċiż li jirrifjuta li jirtira riformi għal-liġi tax-xogħol.
Fl-istess ħin, is-CGT wissa lill-gvern li t-tournament tal-futbol internazzjonali, Euro 2016, li jibda, fi Franza, fl-10 ta’ Ġunju ‘jista’ jitħarbat’ f’każ li l-amministrazzjoni f’Pariġi tibqa’ twebbes rasha fil-kwistjoni.
Intant, għexieren ta’ eluf ta’ dimostranti qed ikomplu joħorġu fit-toroq tal-ibliet waqt li ħaddiema f’diversi setturi wieġbu għad-direttiva tal-union u waqfu mix-xogħol fir-raffineriji taż-żejt u l-faċilitajiet nukleari. kif ukoll man-network tal-ferroviji. Numri ta’ dimostranti anki tellgħu ir-road blocks waqt li ħarqu r-roti u l-pallets tal-injam f’numru ta’ portijiet importanti, inkluż dak ta’ Le Havre.
Il-Prim Ministru Franċiż, Manuel Valls, insista li l-Gvern tiegħu mhux se jirtira r-riformi fil-liġi tax-xogħol, anki jekk ma jeskludix li jista’ jsir ‘xi tibdil fil-pjan oriġinali’. Intant, dan il-pjan għandu jżomm xorta waħda mal-elementi bażiċi tiegħu.
Jonqos il-petrol fost aktar strajks u protesti fi Franza
