Lokali

Muscat ma jgħidx x’raġunament se jġibu l-Gvern u l-PL fl-appell tagħhom dwar is-sentenza tas-siġġijiet

Minkejja li ddikjara li se jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti biex il-Partit Nazzjonalista jingħata żewġ siġġijiet oħra fil-Parlament, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat ma jispeċifikax il-bażi li fuqhom il-Gvern u l-Partit Laburista se jibbaża l-appell tiegħu.

Mistoqsi minn NETnews.com.mt dalgħodu fl-Isla, Muscat sostna li r-raġunijiet se jkunu speċifikati fl-Appell mill-Avukat Ġenerali. Ippressat biex jispeċifika la diġà ddikjara li se jappella, il-Prim Ministru sostna li r-raġunijiet se jkunu ċari anki fl-Appell imressaq mill-Partit Laburista.

Iżda minkejja li kien mistoqsi diversi drabi biex jgħid liema huma dawn ir-raġunijiet, il-Prim Ministru baqa’ ma speċifika xejn u nsista fuq id-dritt tal-Gvern u tal-Partit Laburista li jappellaw.