Internazzjonali

‘Screech ta’ ‘Saved by the Bell’ lura l-ħabs….

L-attur Amerikan, Dustin Diamond, li kiseb fama fil-parti ta’ Screech Powers, fis-sensiela Saved By The Bell, jinsab mill-ġdid il-ħabs fuq akkużi li hu abbuża l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-parole.

Uffiċjal minn ħabs fl-Istat ta’ Wisconsin qal li l-attur kien arrestat wara li skonta tliet xhur minn sentenza ta’ erba’ snin ħabs għal imġieba vjolenti, ksur ta’ bwon ordni u talli kien qed iġorr arma moħbija. L-akkuża prinċipali kienet li Diamond spiċċa jaggredixxi raġel b’sikkina ġo stabbiliment tax-xorb, f’Jum il-Milied tal-2014.

Intant, ma ngħatawx dettalji għalfejn Diamond, li għandu 39 sena, spiċċa mill-ġdid fil-ħabs ta’ Ozaukee County, meta ngħad biss li hu kien kiser il-kundizzjonijiet għal-libertà proviżorja.

Illum, snin wara li ddebutta fix-xena bil-karattru taż-żgħażugħ ġenju Screech Powers – personalità ewlieni fis-sensiela komika tas-snin disgħin, Saved By The Bell – Dustin Diamond qiegħed irawwem karriera bħala stand-up comedian.