Manuel Micallef, magħruf bħala DJ Lito, ta’ 47 sena mill-Birgu miet wara li llejla kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq Dom Mintoff, Bormla, f’Bormla.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-18:40p.m. meta għal xi raġuni seħħet ħabta bejn 3 vetturi, b’konsegwenza li l-karozza tal-vittma, tat-Tip Aygo, nqalbet fuq ġenb u l-vittma spiċċa maqbud fil-vettura.
Fil-post waslu l-Pulizija kif ukoll membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kellhom jaqtgħu s-saqaf tal-karozza biex joħorġu lir-raġel, iżda r-raġel kien konfermat mejjet fuq il-post.
Is-sewwieqa ta’ waħda mill-karozzi l-oħra wkoll sofriet xi ġrieħi u kellha tittieħed l-isptar għall-kura.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
DJ Lito ħadem f’diversi stazzjonijiet tar-radju, fosthom fuq radio 101.
Ftit minuti qabel seħħ l-inċident fatali, fuq facebook DJ Lito kiteb li fil-logħoba tal-lejla, bejn l-Italja u l-Iskozja, hu kien se jagħti l-appoġġ tiegħu lit-tim Skoċċiż u esprima x-xewqa tiegħu li jkun wieħed partitarji.
//= $special ?>