Lokali

Ikompli jonqos id-distakk bejn il-partiti

Skont l-istħarriġ tal-Maltatoday, jekk issir elezzjoni llum, l-elezzjoni tista’ tmur fuq iż-żewġ naħat

Stħarriġ ieħor li l-gazzetta Maltatoday ppubblikat fil-ħarġa tal-Ħadd, juri li d-distakk bejn iż-żewġ partiti kompla nieżel, tant li llum hu biss ta’ 1%. L-istħarriġ – li sar mill-ġurnalist James Debono – juri li jekk issir elezzjoni llum, l-partiti tant jinsabu viċin li l-elezzjoni tista’ tmur fuq iż-żewġ naħat.

Kif jirriżulta minn dan l-istħarriġ, il-Partit Laburista qed iżomm 66% tal-voti li ġab fl-elezzjoni tal-2013, waqt li l-Partit Nazzjonalista qed iżomm 82% tal-voti tal-2013. Aktar minn 4% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-2013, issa qed jgħidu li se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. L-isħarriġ ta’ James Debono jgħid ukoll – għall-ewwel darba – li hemm aktar minn dawk li jissejħu switchers li se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista milli lill-Partit Laburista. 12.5% tal-iswitchers se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, waqt li huma biss 8.3% li se jivvutaw lill-Partit Laburista.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-fiduċja fil-mexxejja, s-sitwazzjoni baqgħet kif kienet fl-aħħar stħarriġ, jiġifieri li filwaqt li Muscat għandu fiduċja ta’ 39% tal-elettorat, 33% jafdaw lil Simon Busuttil. Fuq l-aħħar stħarriġ, il-persentaġġ ta’ fiduċja fiż-żewġ mexxejja naqas bl-istess ritmu. Tant li żdiedu dawk li m’għandhom fiduċja f’ebda mexxej jew ma jafux lil min jafdaw.

Hawnhekk, l-istħarriġ juri li Simon Busuttil huwa aktar b’saħħtu minn Joseph Muscat fil-partiti rispettivi. Tant li filwaqt li 84% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista għandhom fiduċja f’Simon Busuttil, huma biss 77% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista li għandhom fiduċja f’Joseph Muscat.

mt survey