Lokali

L-Isqof t’Għawdex se jikkunsidra jibqax jieħu sehem fil-festi f’atmosfera ta’ nuqqas ta’ rispett

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech appella lid-djoċesi kollha ta’ Għawdex biex jintwera rispett sħiħ lejn il-Kappillan fil-parroċċa fl-organizzazzjoni tal-festi fil-gżira ta’ Għawdex hekk kif wissa li kemm-il darba tinħoloq atmosfera ta’ nuqqas ta’ rispett, jikkunsidra jibqax jieħu sehem f’dawn il-festi.

Numru ta’ appelli u twissijiet saru mill-Isqof Mario Grech fil-bidu tal-istaġun tal-festi parrokjali f’Għawdex hekk kif ilbieraħ filgħodu kien qiegħed itemm pontifikal fil-festa ta’ San Pawl Nawfragu fil-parroċċa tal-Munxar.

L-Isqof t’Għawdex appella lill-komunitajiet parrokkjali biex fl-organizzazzjoni tal-festa jagħtu widen għal dak li jgħid il-Kappillan.

“Nuqqas ta’ rispett lejn il-Kappillan hu nuqqas ta’ rispett lejn l-Isqof. Jekk tinħoloq din l-atmosfera, nikkunsidra nibqax nieħu sehem f’dawn il-festi”, wissa l-Isqof Grech.

Irrifera għal dak li l-antiki kienu jgħidu dwar il-festi – li huma tempesti. Appella biex nevitaw li l-festa ssir tempesta li taf tħalli ħerba umana, spiritwali u soċjali.

F’aktar messaġġi fil-Pontifikal tal-ewwel festa li fetħet l-istaġun tal-festi f’Għawdex, l-Isqof Mario Grech qal ukoll “nirrakkomandalkom biex ma tħallux gruppi żgħar “jaħtfu” l-festa patrunali u minn ċelebrazzjoni ta’ ferħ u għaqda jirrenduha okkażjoni ta’ tagħjir, tinbix, offiżi u firda.”

L-Isqof Grech tkellem ukoll dwar l-importanza tal-ħidma pastorali fil-parroċċi tad-djoċesi. “Iħassibni ħafna l-fatt li l-kappillani qed ikollhom jaħlu ħafna enerġija fuq ħwejjeġ sekondarji, u xi drabi bla sens meta jħossuhom li għandhom japplikaw il-ministeru pastorali tagħhom f’ħidma aktar meħtieġa u urġenti”, irrimarka l-Isqof t’Għawdex quddiem il-komunità parrokkjali tal-Munxar li kienet qed tiċċelebra din l-ewwel festa f’Għawdex.

Wissa wqkoll li jJekk jirriżulta li fil-festa esterna jkun hemm elementi bħal dawn, il-festa ssir ċelebrazzjoni antievanġelika u jkollna nirrevedu ħafna affarijiet.

L-Isqof Grech saħaq li dan jgħodd għall-komunitajiet parrokkjali kollha tad-Djoċesi.