Iċ-Ċittadinanza mhix għall-bejgħ!
Dan huwa argument li miegħu ma hemmx u ma għandux ikun hemm tidwir. Iċ-Ċittadinanza ta’ pajjiż ma hix biss sempliċiment ‘kuntratt’ fuq biċċa karta, imma jmur lil hinn minn dan. Iċ-Ċittadinanza ġġorr magħha l-elementi li jagħmluna nazzjon. Kull ċittadin Malti ma jistax ikun komplut jekk ma għandux il-lealtà lejn il-pajjiż u aktar u aktar lejn is-sens ta’ nazzjonalità, bl-Innu Malti, il-lingwa, il-patrimonju u dak kollu li jgħaqqadna lkoll bħala nazzjon jkunu parti integrali.
Huwa għalhekk li meta ftit xhur wara l-bidla fil-Gvern, Joseph Muscat ħabbar li ċ-Ċittadinanza Maltija sejra tkun għall-bejgħ bi skema ta’ Investiment, ir-reazzjoni ta’ kull min hu Malti ġenwin kienet waħda ta’ tħassib. Mhux għax l-investiment finanzjarju ma neħtiġuhx, imma għaliex jekk pajjiżna jista’ jbigħ kollox, ma jistax ibigħ ukoll ruħu: id-demm nazzjonali tal-Maltin.
Allura minkejja l-oppożizzjoni ġustifikata tal-ħafna li jistgħu jaslu jifhmu dan l-argument kollu, l-Iskema ta’ Investiment, wara diversi tibdil fuq proposti tal-Oppożizzjoni, għaddiet mill-Parlament u magħha beda s-‘sale’ tal-passaport Malti. Ir-reazzjoni għal dan minn diversi pajjiżi Ewropej kienet ukoll ta’ ħasda. L-ebda pajjiż mhu interessat jipprostitwixxi lilu nnifsu!
Kif il-ġimgħa li għaddiet ħarġet l-aħbar li uħud – qrib mitt persuna – li kisbu l-passaport ġew mogħtija wkoll id-dritt għall-vot anke jekk dawn ma kinux eliġibbli, prassi li tmur anke kontra l-Kostituzzjoni, mill-ġdid reġgħet feġġet il-problema fl-iskop kollu. Huwa inkwetanti biżżejjed li f’pajjiżna qed jingħata d-dritt tal-vot kontra l-kostituzzjoni, imma huwa aktar u aktar inkwetanti li dan il-vot mogħti jista’ jiddetermina l-futur ta’ pajjiżna.
Pajjiżna ma jista’ jaċċetta qatt li jkollu f’ismu persuni eliġibbli għall-vot meta fir-realtà ma għandhom l-ebda intenzjoni għall-ġid komuni ta’ pajjiżna.
Pajjiżna ma jista’ jaċċetta qatt li jkollu f’ismu persuni eliġibbli għall-vot meta fir-realtà mhumiex ‘ulied l-omm li tatna isimha’.
Kull min għandu l-iċken rispett lejn din l-art ħelwa ma jistax jikkonċepixxi l-ħsieb li nies li ma għandhom l-ebda dritt u wisq aktar minn hekk, l-ebda interess għall-ġejjieni soċjopolitku ta’ pajjiżna ser ikunu qed jiddeterminaw min jiggverna lil Malta.
Il-Partit Nazzjonalista, għalhekk, meta formalment irrikorra għall-Qrati Maltin, kien qiegħed jiddefendi d-dritt li l-Maltin jagħżlu lil min jiggvernahom. Ma hemmx distinzjoni bejn Nazzjonalisti u Laburisti, għaliex aħna lkoll Maltin li rridu nersqu lejn l-elezzjonijiet bl-aktar mod korrett u konstituzzjonali.
Pajjiżna għadda minn żmenijiet koroh ħafna fejn jidħol il-‘logħob’ bil-voti, u lkoll nittamaw li issa mmaturajna u mxejna ‘l quddiem. Għaldaqstant huwa xokkanti li quddiemna għandna dan il-każ.
Huwa ta’ sodisfazzjon li fl-infanzja tiegħu, dan l-iskandlu ħareġ fl-apert. Bis-saħħa ta’ hekk, nistgħu nassiguraw li d-dritt tal-vot jingħata lil min verament għandu l-interess nazzjonali. Jekk il-Partit Laburista għandu jirbaħ l-elezzjonijiet li ġejjin, u jirbaħhom bl-aktar mod leġittimu, ma għandi l-ebda dubju li l-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi r-riżultat bl-akbar sens ta’ dover lejn is-sistema elettorali, imma jekk ikun hemm l-iċken anomalija, ikun minn tal-ewwel biex jiddefendi l-vuċi tal-poplu bħalma għamel fil-każ tas-siġġijiet li l-Partit Nazzjonalista rebaħ fil-Qorti imma li l-Partit Laburista deherlu jappella, liema appell ikompli jnaqqas ir-rikonoxximent elettorali tal-poplu nnifsu fl-aħħar elezzjonijiet ġenerali.
Justin Schembri huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-8 Distrett.
//= $special ?>