Internazzjonali

Ġimgħa oħra ta’ protesti fi Franza

epa05330808 A woman holding a sign reading 'People are Angry' faces French riot police during a protest against the government's labour market reforms, at Place de la Nation, in Paris, France, 26 May 2016. EPA/CHRISTOPHE PETIT TESSON

L-inkwiet fi Franza minħabba l-protesti u azzjonijiet industrijali li qed ikun hemm mistenni jkompli anki din il-ġimgħa u hekk kif ġimagħtejn qabel ma jibda l-kampjonat tal-football tal-Euro 2016.
Fuq quddiem f’dawn il-protesti hemm l-union tas-CGT li għal-lum sejħet strajk fuq il-linji nazzjonali tal-ferrovija. Il-Ħamis imbagħad se jkun hemm strajk fil-metro ta’ Pariġi.
Barra minn hekk l-unjons tal-avjazzjoni ċivili sejħu għal strajk il-Ġimgħa u s-Sibt minħabba tilwim industrijali separat.
Sadattant sitta mit-tmien raffineriji taż-żejt fi Franza kienu għadhom magħluqa jew mhux qed jaħdmu fil-kapaċità sħiħa tagħhom minħabba l-azzjonijiet industrijali li hemm.
Is-Sibt, Manuel Valls, il-Prim Ministru Franċiż, qal li kien se jiddefendi din ir-riforma sal-aħħar u jekk din tkun irtirata tkun aħbar ħażina għall-ħaddiema Franċiżi.
L-iskop tar-riformi hi biex ikun hemm aktar flessibiltà fis-suq tax-xogħol fi Franza fost l-oħrajn billi jkun aktar faċli li wieħed jimpjega n-nies imma anki jkeċċihom. Il-kumpaniji wkoll se jkunu jistgħu jinnegozjaw termini u kundizzjonijiet mal-ħaddiema minflok ikunu marbuta minn ftehim industrijali ġenerali.