BLOGS

Gvern li jisfida r-rieda tal-poplu

Matul is-snin, il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen li l-poplu sovran u li dejjem għandu jbaxxi rasu għar-rieda tal-poplu. Il-poplu għandu kull dritt li jiddeċiedi hu l-aktar materji importanti għall-pajjiż.

Ma belgħux il-lixka
Matul l-aħħar ġimgħa rajna kif il-Gvern ta’ Joseph Muscat ma jridx jirrispetta r-rieda tal-poplu imma jrid biss li jkun il-gvern tal-ftit, ta’ dawk tal-qalba u li jiddefendi kull xamma ta’ korruzzjoni.

Fil-Parlament, din il-ġimgħa ddiskutejna żewġ mozzjonijiet ta’ sfiduċja u l-punt prinċipali kien nuqqas ta’ trasparenza u xamma ta’ korruzzjoni. Imma l-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat orkestra kantaliena sħiħa biex jipprova jgħidilna li minn dak li kien hemm fiż-żewġ mozzjonijiet m’hemm xejn. U n-nies li kienu qed isegwu minn darhom daħku u ma belgħux il-lixka fjakka tal-Gvern. Illum hu fatt magħruf li dak kollu li huma implikati fih il-Ministru Konrad Mizzi kif ukoll iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, huma affarijiet serji u kulħadd jemmen li jeħtieġ li dawn iwieġbu għal dawn is-suspetti serji ta’ korruzzjoni.

Intrema’ barra mit-tieqa
Imma Joseph Muscat kien tajjeb biex jippontifika meta kien fl-Oppożizzjoni u kien tajjeb biex jgħid lil ħaddieħor x’għandu jagħmel. Imma llum li hu Prim Ministru u li għandu kull dritt u obbligu li jara li ma jkunx hawn min jabbuża mill-poter u li verament ikun hawn it-trasparenza fil-pajjiż, qed idoqq diska kompletament differenti.

Dak li kien jiġi ppritkat qabel l-aħħar elezzjoni, intrema’ barra mit-tieqa. Dak li kien ħażin qabel l-aħħar elezzjoni sar tajjeb, u dak li kien tajjeb sar ħażin. Dawn huma d-double standards ta’ Joseph Muscat. Dan hu Joseph Muscat li jdur ma’ kull riħ u fejn jaqbillu biss. Dan juri karattru dgħajjef u li mhux kapaċi jiddeċiedi meta jiġi għal deċiżjonijiet importanti li jekk ma jitteħdux, ma jbatix il-Gvern jew il-PL, imma jbati l-pajjiż kollu. Ibatu l-ħaddiema li bl-iktar mod ġenwin u onest imorru biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum u li jħallsu t-taxxi dovuti minnhom.

Imma għal Konrad Mizzi u Keith Schembri, minkejja li hemm suspetti serji fuq ċertu operat tal-kumpaniji li fetħu, kif ukoll ċerti trusts li għandhom barra l-pajjiż, dan ma jgħoddx. Anzi, il-Prim Ministru Muscat qed jiddefendihom u mhux jobbligahom josservaw il-liġi kif jagħmlu ċ-ċittadini tagħna. X’ironija! Il-partit tal-ħaddiema, flok qed jagħmel dak li wieħed jistenna minn Partit Soċjalista u tal-ħaddiema, qed jiddefendi nies li bl-imġiba tagħhom qed jibagħtu messaġġ ċar li m’għandhomx fiduċja fis-servizzi finanzjari tal-pajjiż.

Titwettaq ir-rieda tal-poplu
Rajna wkoll kif matul din il-ġimgħa fil-Qorti Kostituzzjonali ngħatat sentenza biex il-Partit Nazzjonalista jingħata żewġ siġġijiet oħra fil-Parlament tagħna. Sentenza li għal darba oħra tagħti raġun lill-PN u turi li s-sewwa reġa’ rebaħ. Permezz ta’ din is-sentenza se titwettaq ir-rieda tal-poplu tagħna. Sentenza li qed tirrispetta r-rieda sovrana tal-poplu. Imma anke hawn, il-PL reġa’ wera d-dgħufija u li mhux lest ibaxxi rasu għar-rieda tal-poplu. Il-Gvern Laburista qed jisfida lill-poplu u r-rieda tiegħu, u qed jagħmel minn kollox biex ixekkel id-demokrazija ta’ pajjiżna.

Titkellem ma’ min titkellem, hawn rabja kbira għad-deċiżjoni tal-Gvern li jappella mis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali. In-nies jgħidulek li b’din l-attitudni jidher ċar li l-Gvern mhux biss qed jegħreq fl-arroganza, imma li issa tant telagħlu għal rasu l-poter li qed jipprova jeħodha wkoll kontra deċiżjoni tal-Qorti biex jipprova jtawwal iż-żmien. Imma jien u sħabi, meta nkunu qed inħabbtu l-bibien tan-nies, qed inħossu dan is-sentiment ta’ rabja lejn il-Gvern Laburista li qed jipprova jisfida u li qed ikun arroganti.

Il-messaġġ tagħna hu wieħed sempliċi. Ejja ma naqtgħux qalbna. Għamilna avanzi kbar imma fadlilna x’naqdfu. Irridu nkunu aktar viġilanti fuq l-operat tal-Gvern u naraw li nikxfu dak kollu li jxekkel id-demokrazija ta’ pajjiżna. Irridu naraw li dak li akkwistajna matul is-snin ma nħallux min jeħodhulna sempliċement għax ma jemminx f’politika onesta imma jemmen fil-kultura u l-mentalità tal-korruzzjoni.