“Il-faqar huwa theddida diretta lejn dritt fundamentali tal-bniedem. Id-drittijiet umani jridu jitgawdew minn kulħadd, mhux mill-ftit” – stqarret dan l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca stqarret dan waqt il-preżentazzjoni li l-Caritas Malta għamlet dalgħodu, wara l-pubblikazzjoni tad-dokument intitolat ‘A Minimum Essential Budget for Decent Living – 2016’. Din il-preżentazzjoni saret fil-Palazz ta’ Sant’ Anton irrappreżentanti tad-diversi entitajiet fi ħdan il-Presidenza: il-Malta Community Chest Fund, il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà u The President’s Trust.
Il-President Coleiro Preca qalet li l-faqar mhuwiex xi ħaġa li tintagħżel mill-bniedem imma dan jista’ jiġi fuq il-bniedem minħabba ħafna ċirkostanzi.
“Il-faqar jiena nqisu bħala theddida diretta lejn dritt fundamentali tal-bniedem, li jgħid li kulħadd għandu dritt għall-għajxien xieraq. Sakemm ikollna l-faqar, ifisser li numru minn ħutna f’pajjiżna stess huma mċaħħda minn dan id dritt”, stqarret il-President, filwaqt li aċċennat ukoll għall-fatt li l-faqar jissemma’ fl-ewwel minn sbatax-il mira għall-iżvilupp sostenibbli, kif maqbula mill-Ġnus Magħquda. Infatti, l-mexxejja kollha tad-dinja qablu li l-faqar għandu jispiċċa f’kull forma tiegħu (to end poverty in all its forms, everywhere).
Il-President qalet dan biex kull wieħed u waħda minnha f’pajjiżna, speċjalment il-policy makers, iħossu r-responsabbiltà kbira li għandhom fuq spallejhom biex din is-‘susa tas-soċjetà’ tiġi indirizzata. Hawnhekk tat diversi eżempji ta’ kif il-faqar jaffettwa lil kulħadd fis-soċjetà.
“Xi ħadd li huwa fqir u li m’għandux biżżejjed x’jiekol, ma jkunx qiegħed jiekol tajjeb, u allura ‘il quddiem dan ser isofri minn ċertu mard u b’hekk, il-faqar ser ikun stressanti wkoll fuq l-iskema tassaħħa li għandna. Xi ħadd li huwa fqir ma jistax joħloq id-domanda fil-pajjiż, u allura l-produzzjoni, l-kummerċ u n-negozju ma’ jkunux jistgħu jilħqu l-milja sħiħa tagħhom, għax ma’ jkunx hemm iddomanda sħiħa għalihom,” stqarret il-President.
Filwaqt li raddet ħajr lil Caritas Malta tax-xogħol li għamlu bir-riċerka, u bil-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument, il-President ħadet l-opportunità biex fakkret li għalkemm il-fqir hu dak li jġorr l-akbar piż, aħna bħala soċjetà, kollha kemm aħna, inġorru l-piż tal-faqar. Għaldaqstant, il-President qalet li hi tittama li dan id-dokument issa se joħloq diskussjoni u strateġija nazzjonali, li tibqa’ titħaddem mil-gvernijiet kollha, huma min huma. Hi saħqet li din trid tkun ukoll strateġija ħolistika, u mhux waħda iżolota.
Fid-dawl tal-fatt li persuni li mtlew bid-dejn għax ma jlaħħqux mal-ħlas tas-servizzi, qatt ma jirkupraw dan id-dejn, anke jekk il-kontijiet tad-dawl u l-ilma tagħhom jiġu mnaqsin, il-President appellat lill-politiċi biex jikkunsidraw li jagħmlu bail-out għal dawk li huma tassew fqar f’pajjiżna u li mtlew bid-dejn minħabba li ma’ setgħux jlaħqu fil-ħlas tas-servizzi tagħhom. Fl-istess waqt, ilPresident tenniet li għandha tingħata l-għajnuna meħtieġa biex ‘nirresponsabilizzaw il-mod ta’ kif dawn in-nies, u kull min għandu bżonn, jingħataw l-għajnuna u t-taħriġ biex jifhmu u jitgħallmu aktar fuq kif jistgħu jamministraw aħjar flushom meta jkollhom dħul xieraq’.
Fl-aħħarnett il-President reġgħet talbet biex jkollna dibattitu nazzjonali, san, irraġunat u bbażat fuq il-fatt li aħna rridu li d-drittijiet umani jitgawdew minn kulħadd, u mhux mill-ftit.
//= $special ?>