BLOGS

L-arma tal-onestà, l-integrità u l-indafa

Politika onesta … frażi li qed nisimgħu ta’ spiss, u tema li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qed iġġib ‘il quddiem biex tiggwidana fit-triq elettorali li għandna quddiemna. Forsi għal ħafna, din hija triq iebsa li jaħsbu li mhix se tkun biżżejjed biex il-poplu Malti u Għawdxi jagħraf verament il-messaġġ veru.

Intqal ħafna mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li din hi l-unika triq li jrid jimxi fiha biex tiggwidana lejn futur aħjar, triq li trid twassalna biex negħlbu l-propaganda qarrieqa li qed joffri l-Partit Laburista. Ma jfissirx li dak kollu li jsostni l-Labour huwa diżonest, iżda hemm linja li wieħed għandu jara li ma tinqabiżx u l-Labour, bil-politika li miexi biha, daħħal mentalità ta’ xejn mhu xejn. It-tajjeb sar ħażin u l-ħażin sar tajjeb. Il-korruzzjoni saret istituzzjonalizzata. Tant skandli, kuljum b’xi ħaġa. L-istorja tirrepeti ruħha.

Kif kelli l-opportunità nsemmi fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali, il-politika ta’ onestà għandha tkun il-fus tal-politika Nazzjonalista għall-ġejjieni, għax din hija l-verità. Ma nħarisx lejn in-Nazzjonalisti bħala onesti u l-Laburisti bħala diżonesti. Mhux ġust u mhux sew li wieħed jirraġuna b’dan il-mod. Kull individwu għandu l-karattru tiegħu, il-prinċipji tiegħu, il-valuri u d-difetti tiegħu.

Kulħadd kapaċi jagħmel il-ġudizzju tiegħu dwar x’inhu sew u x’inhu ħażin. Ejja nħarsu lejn min qed imexxi lil pajjiżna u naraw jekk hux qed jimxi sew, jekk hux onest, jew hux qed jimxi ħażin, u hux diżonest.

“Malta tagħna lkoll” għandha Prim Ministru li ma jafx jistħi, jimmanipula l-fatti u jpoġġi l-interessi tiegħu u tal-klikka tiegħu qabel l-interessi tal-poplu li qed imexxi. Dan ngħidu mhux għax jien Deputat tal-PN, iżda għax qed jgħiduh ħafna u ħafna nies, anke dawk li fl-aħħar elezzjoni vvutaw lill-PL.

Ħalli nagħti ftit eżempji li għaddejna minnhom u nagħmel sensiela ta’ mistoqsijiet.

Kemm hu sew li l-Prim Ministru jmur Londra jgħid li jrid jiġġieled il-korruzzjoni globali, imma ma jiġġilidx il-korruzzjoni lokali? Kemm hu sew li qed inħallsu fost l-ogħla prezzijiet tad-diesel u l-petrol, biex tal-qalba jistagħnew? Kemm hu sew li fi tliet snin kellna iktar kummissarji tal-pulizija milli kellna skejjel ġodda? Nistaqsi hux sew li jkollok Prim Ministru li minn wara dahar kulħadd imur jinnegozja fl-Ażerbajġan u jitlef €11-il miljun, jew li wieħed jiffirma kuntratti kbar f’isem il-poplu Malti u jaħbihom. U kemm hu sew li tagħti tant transfers vendikattivi fl-Armata, fl-Enemalta u fil-Korp tal-Pulizija? Kemm hu sew li persuni li għandhom sehem mit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż minn Kastilja jevadu t-taxxi?

Kemm hu sew li l-prezz taż-żejt raħas b’aktar min-nofs u l-poplu jibqa’ jħallas kontijiet tad-dawl għoljin? Jew kemm hu sew li Ministru jhedded bil-mannara u moħħu biex ikejjel xi pixxina flok jara kif se jgħolli l-pensjonijiet jew l-istipendji? Nibqa’ sejjer… Sew li mit-taxxi tal-poplu jitħallsu mijiet ta’ nies f’pożizzjoni ta’ fiduċja, bil-Malti, “bażużli’, imbagħad kull xahar il-poplu jintalab fuq xi programm bħal ‘Xarabank’ biex jiġbor il-flus għal persuni morda?

Huwa sew kif Muscat iwiegħdek li għal Gvern ġdid ma tagħmilx differenza min int u wara tisma’ bl-iskandli tal-miljuni lil Gaffarena u l-Café Premier, każi ta’ direct orders lil tal-qalba u promotions oxxeni?

Kemm hu sew li tikkundanna lill-Gvern ta’ qabel bil-€500 imbagħad tagħti €13,000 fix-xahar lill-mara ta’ Ministru? Jew sew li l-faqar żdied flok naqas waqt li ħaddieħor jikri l-karozza tiegħu lilu nnifsu mit-taxxi tiegħi u tiegħek?

Kemm hu sew li jekk teħel sentejn ħabs sospiżi jagħtuk 80 elf ewro paga u jibagħtuk Brussell, iżda jekk int lit-tfal ma tibgħathomx iċ-childcare għax ikunu morda, biex ma jmarrdux lil sħabhom, tirċievi multa? Dan mhux sew!

Iżda nsostni li madankollu, b’dan biss mhux se nirbħu l-elezzjoni ġenerali. Ma jfissirx li għax ħaddieħor għamel froġa, allura n-nies trid lill-PN imexxi lil Malta. Il-PN irid iwiegħed ġustizzja ma’ min bata u qed ibati. Il-PN irid jibqa’ jkun viċin in-nies, iħabbat kull bieb biex f’dawn il-gżejjer ifisser il-politika tiegħu.

L-aqwa arma tal-Partit Nazzjonalista li għandha trebbaħna mhix il-mannara imma l-Kap Simon Busuttil. Se jkun l-aqwa arma għax il-poplu induna li dan il-bniedem huwa onest, integru u nadif.