1. Tgħoddha b’waħda l-Awstrija u teħodha b’lezzjoni l-bqija tal-Unjoni Ewropea! L-elezzjoni presidenzjali f’dak il-pajjiż fiha ħafna messaġġi fuq bosta żbalji li saru. Il-partiti li mexxew u kattru lil dan il-poplu sabu ruħhom maqtugħa barra mill-kunsensi elettorali. Fuq naħa spiċċa Alexander Van der Bellen, kandidat tal-partit ekoloġista u fuq in-naħa l-oħra, Norbert Hofer tal-lemin estrem. Il-vot kien ras imb ras u ntrebaħ minn Van der Bellen li kiseb marġini żgħir ta’ 31,000 vot mingħand aktar minn 4 miljun votant. Konna viċin li nerġgħu nsibu ruħna b’mexxej bin l-estremiżmu lemini f’parti mill-qalba Ewropea.
Il-linja moderata
2. Il-politika li mexxiet lill-Unjoni Ewropea kienet bbażata u ggwidata minn partiti li ma ħadux linji estremisti, imma żammew ruħhom mal-linja moderata. Hija din li tħalli l-bibien miftuħa għad-djalogu u għall-kompromess li, fl-aħħar, iġibu lil kull naħa wara pożizzjoni komuni. Diversi nies li jġarrbu ftit esperjenza fil-politika, jagħrfu li ma jistgħux jimxu waħidhom, imma għandhom bżonn il-kunsens u l-appoġġ tal-oħrajn. L-ideat tagħhom u d-direzzjonijiet li jridu jieħdu fis-soċjetà jkunu aktar f’saħħithom meta jimxu fuq il-linja tan-nofs. La jwebbsu rashom iżżejjed u lanqas jabbandunaw dak li riedu, oriġinarjament, jiksbu!
Proċess li jġibna flimkien
3. Is-sistema demokratika hija mibnija proprju fuq dan! Proċess li jġibna flimkien bid-diskussjoni lejn linji ta’ konverġenza u mhux t’antagoniżmu. Dan huwa li jgħin biex isir użu mir-raġuni fi ħdan l-forzi politiċi li huma preżenti, rappreżentati u attivi. U għalhekk il-pajjiż u l-poplu jmorru ferm aħjar meta min-naħat kollha tal-kamra tad-deputati jkun hemm rikonoxximent ta’ dak li sar qabel u li huwa sewwa. Min jiġi jgħid li d-dinja bdiet minnu, jew li qablu ma ġara xejn, ikun qiegħed jiżbalja miegħu nnifsu u mal-oħrajn! Dan il-poplu qiegħed fejn qiegħed fit-tajjeb għax ħafna minn uliedu ħadmu ghalih.
Il-metodu huwa essenzjali
4. F’dan kollu, hemm persuni li jaħsbu li l-metodu jista’ jkun li jrid. Għalihom, l-aqwa li jiksbu dak li jridu, jiġi kif jiġi; bis-sewwa jew bid-dnewwa! L-esperjenza ta’ sekli sħaħ turi kemm hu żbaljat min jaħseb hekk f’soċjetà demokratika! Dittaturi tal-lemin u tax-xellug estrem wasslu lilhom infushom sabiex jaġixxu kontra s-sewwa u anki kontra l-bniedem proprju minħabba f’hekk. Aħna, dejjem jekk irridu il-ġid lil pajjiżna, ma nistgħux nidħlu f’dan l-isqaq. Żbalji u azzjonijiet ħżiena li jmorru kontra d-dinjità u l-valuri Nsara ma jwasslu għal imkien; iżidu biss l-iżbalji. Litteralment ikattruhom, speċjalment, meta xi ħaġa twieġeb għall-estremiżmu billi tmur hija wkoll f’dik id-direzzjoni. Din tista’ tidher apparentement opposta u neċessarja, però tispiċċa bl-istess riżultati.
It-triq tan-nofs
5. Aġir bħalma hu diskors żejjed inaqqas id-djalogu u l-pożizzjonijiet tal-ftehim u l-kompromess. Pajjiżna ilu jippretendi minna l-politiċi li ma mmorrux f’sitwazzjonijiet ta’ konfrontazzjoni, aktar u aktar meta s-sistema elettorali tagħna tagħti l-għażla diretta tal-membri parlamentari f’idejn il-votant, u mhix iddettata! Il-poplu jrid jara lil dawk, li jikkonsidra bħala l-aħjar imħuħ, jaħdmu flimkien biex isir il-ġid. F’dawn is-snin rajt u beħsiebni nibqa’ nara, dejjem aktar, apprezzament lejn min huwa kkunsidrat bħala politiku li jaħseb u li jrid jimxi fit-triq tan-nofs; f’dik li twassal għall-attenzjoni, għad-dettall, għall-moderazzjoni u għal dak li huwa ġust.
Mhux l-aqwa ġimgħa!
6. Il-konfrontazzjoni diretta fil-Parlament fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, partikolarment fil-kumitat li jfassal il-programm tal-ħidma parlamentari, ħalliet l-effett tagħha. Il-mazz tal-aġenda qiegħed f’idejn il-gvern bla ebda dubju! Biss, meta dan jitressaq b’intransiġenza u b’forom ta’ impożizzjoni, l-arja tibda titqal. Dak huwa l-ewwel post, proprju, fejn tiġi eżerċitata l-moderazzjoni u l-kompromess minn min igawdi maġġoranza daqshekk qawwija. Dik in-naħa stess tista’ taqa’ wkoll għall-estremiżmu meta tibda tibgħat messaġġi, hemm barra, t’instabbilità għax tkun qiegħda turi li hemm sitwazzjoni tant gravi li ma tridx titranġa. L-assenza tal-kap tal-kamra, il-Ministru Louis Grech, inħasset sew.
Inħarsu ‘l quddiem?
7. Id-dibattiti fuq iż-żewġ mozzjonijiet saru. Parti mir-raġuni vinċiet. Instemgħu u ngħalqu. Il-vuċijiet varji li hawn fil-pajjiż, wieħed seta’ jarahom u seta’ wkoll jgħarbel dak li ngħad. Kif jgħidu, ħafna qalu tagħhom fil-preżenza tal-oħrajn, jew waħidhom. Setgħu servew għal aktar! Setgħu wasslu għall-pożizzjonijiet komuni fuq punti li għadhom f’ras diversi persuni li jaħsbu u li jifhmu ‘l bogħod mill-estremiżmi dwar dak li huwa sewwa! Għax kull dibattitu parlamentari huwa opportunità lejn il-qbil. Huwa possibilità li tista’ tinbidel fi probabbilità, fejn l-estremi jintilfu warajna u naslu b’iktar moderazzjoni.
Kull naħa għandha x’tagħti
8. Biss il-Parlament mhuwiex il-qorti! Ir-regoli tal-proċedura jridu jiġu segwiti biss għax is-sejħiet għar-raġuni m’għandhomx limitu. La hemm l-ewwel qorti, la appelli u anqas ritrattazzjonijiet. L-argumenti ma jingħalqux proċeduralment, imma b’kunsens ġenerali u nazzjonali. L-estremiżmu politiku biss jaf iwassal biex jagħlaq lill-oħrajn ‘il barra, għax it-twaqqif t’argument politiku, li jibqa’ mingħajr soluzzjoni, iseħħ, ġeneralment, f’soċjetajiet fejn hemm id-dittaturi mhux id-demokraziji. Inkunu qegħdin naqdbu dik it-triq meta d-doża u l-livell tat-temperatura politika jitilgħu ‘l fuq, speċjalment, meta naħa tinjora t-talbiet leġittimi tan-naħa l-oħra. Dan iseħħ f’kuntrast mal-verità għax ilkoll nafu li kull naħa għandha l-kontribut validu tagħha x’tagħti u għalhekk, l-Oppożizzjoni tesiġi li tiġi rrispettata, u mhux injorata. Din hija d-demokrazija li se nkomplu naħdmu għaliha biex ma nidħlux fl-isqaqien tal-estremiżmu.