Lokali

Mozzjoni biex ikun hemm moratorju fuq żviluppi ġodda ta’ proġetti kbar u bini għoli

L-eks deputat Laburista Marlene Farrugia ressqet mozzjoni dwar il-bżonn ta’ moratorium fuq żviluppi godda ta’ proġetti kbar u bini għoli, sakemm tigi ffinalizzata masterplan li tista’ tiggwida b’serjeta u responsabilita’,  l-użu  u l-valur ta’ art pubblika,  kif ukoll użu ta’ art privata, sabiex fuq livell ta’ gżejjer Maltin,  ikun jista’ jiġi stabbilit il-bżonn, is-sostenibilita, u l-effett ta’ proġetti massiċċi fuq il-ħajja inġenerali f’pajjiżna.

Fil-mozzjoni li preżentat fil-Parlament, Marlene Farrugia qalet li waqt li bħalissa qed ikunu proposti diversi proġetti kbar, qed titlob biex il-Parlament japprova moratorium fuq proġetti ġodda kbar, kif ukoll fuq it-tqassim u l-bejgħ ta’ art pubblika, sakemm il-masterplan u bżonnijiet oħra relevanti, ikunu ġew indirizzati.

Marlene Farrugia talbet biex il-Parlament jinkoraġġixxi lill-Gvern biex dan il-masterplan u leġislazzjoni relevanti jitlestew fi żmien raġonevoli u stipulat.

Il-mozzjoni saret fid-dawl tal-fatt, li għadha ma twaqqfitx Design Review Panel indipendenti kif mitlub mill-Kamra tal-Periti. U anke minħabba li għad għandna nuqqasijiet kbar fil-qafas legali tagħna.

Il-mozzjoni saret ukoll minħabba li għadu ma sarx studju fuq l-impatt infrastruttarali, ambjentali, estetiku, soċjali u kulturali tal-proġetti kollha li hemm ppjanati.