Qed tkompli t-tfittxija għal tifel Ġappuniż ta’ seba’ snin li l-ġenituri tiegħu abbandunawh ġo foresta bħala ‘penitenza’ talli kien ġab ruħu ħażin.
Il-każ inkredibbli seħħ ġo żona remota ta’ Hokkaido, fil-Ġappun, u t-tifel issa ilu ma jidher għal jumejn sħaħ.
Il-ġenituri tiegħu, għall-bidu, infurmaw lill-pulizija li binhom kien ‘għeb’ waqt li huma kienu qegħdin ifittxu għall-ħaxix fil-foresta. Iżda maż-żmien ħarġet il-verità kollha, bil-ġenituri jammettu ‘li kienu ħallew lit-tifel waħdu (fil-foresta) għal ftit minuti bħala att ta’ dixxiplina’. Huma kkonkludew li meta rritornaw għal binhom ‘hu ma deher imkien’ u li minn dak il-ħin beda ‘kalvarju’ għalihom.
Il-missier tat-tifel irrakkonta l-istorja lill-gazzetta Sankei fejn fisser lil ibnu bħala tfajjel attiv u fuq tiegħu. ‘Kien hemm bżonn li hu jidra ftit tad-dixxiplina u jien ġiegħltu jinżel mill-karozza (ġo zona tal-foresta) biex inbeżżgħu xi ftit,’ irrakkonta l-missier waqt l-intervista. Dan wara li – skont il-missier – it-tifel kien tefa’ l-ġebel lejn in-nies u l-karozzi waqt li l-familja kienet qed iżżur park fil-viċinanzi tal-foresta.
Ir-raġel ammetta wkoll li, għall-bidu, ma ssugrax jammetti l-verità meta talab li ssir tfittxija għal ibnu, li ilha għaddejja minn nhar il-Ħadd, u li qed tinvolvi għexieren ta’ persuni, fosthom pulizija u uffiċjali tal-iskola.
Magħruf ukoll li f’dik iz-zona ta’ foresta, lejn it-Tramuntana mbiegħda tal-Ġappun, jgħixu l-orsijiet slavaġ u speċi ta’ annimali oħra.
//= $special ?>