Kurżitajiet

‘Bajja tal-qtates’ f’Sardinja ssir attrazzjoni kbira għat-turisti

Waħda mill-bliet ta’ Sardinja, fl-Italja, saret destinazzjoni ewlenija għat-turisti minkejja li jgħixu fiha sitt residenti biss u meta ma ssib l-ebda ħwienet jew lukandi fl-inħawi.

Il-popolarità kbira ta’ Su Pallosu hi dovuta għal kolonja ta’ qtates li eżistiet għal aktar minn seklu u li qed tiddomina bajja fiz-zona. Filwaqt li l-viżitaturi jistgħu jmorru hemmhekk b’xejn biex jaraw il-fenomenu b’għajnejhom, huma l-ewwel iridu jibbukkjaw guided tour mal-organizzazzjoni bl-isem I Gatti di Su Pallosu li hi entità li ma taħdimx għall-qligħ.

Huma spissi x-xeni tal-qtates iduru fil-bajjiet kollha ramel ta’ Su Pallosu filwaqt li jilgħabu qrib il-baħar. Din l-attrazzjoni mhix tas-soltu anki ngħatat it-TripAdvisor Certificate of Excellence u qed tokkupa pożizzjoni għolja fuq dan il-websajt għal reviews konnessi mal-ivvjaġġar.

Il-kolonja ta’ qtates fuq Su Pallosu żviluppat bil-kbir mindu s-sajjieda lokali introduċew dawn l-annimali bl-iskop li l-ġrieden fl-inħawi jinżammu taħt kontroll. Illum filmat tipiku tal-organizzazzjoni li tieħu ħsieb il-qtates juri speċi differenti qegħdin jiġru mal-bajja u fejn ma jiddejqu xejn mill-ilma tal-baħar.

Intant, I Gatti di Su Pallosu, filwaqt li torganizza t-tours għan-nies li jridu jaraw mill-qrib din il-kolonja ta’ qtates, qed tippromwovi wkoll it-turiżmu lejn iz-zona li tinkludi siti ta’ interess arkeoloġiku. Intant, hu fatt li fl-aħħar tliet snin, eluf ta’ viżitaturi marru fil-belt unika bl-iskop speċifiku li jaraw il-qtates u l-mod kif huma jgħixu.

Madankollu l-organizzazzjoni I Gatti di Su Pallosu mhix taċċetta l-annimali ġodda filwaqt li twissi lit-turisti u n-nies li jmorru hemmhekk biex ma jabbandunawx il-pets fis-sit partikolari.