Internazzjonali

Facebook u Twitter se jibdew ineħħu kummenti razzisti f’anqas minn 24 siegħa

Facebook, Twitter, YouTube u Microsoft intrabtu mal-Kummissjoni Ewropea b’Kodiċi ta’ Etika ġdid li jirregola dak li jinkiteb fil-media soċjali. L-erba’ kumpaniji tal-IT ħabbru fost l-oħrajn illi f’inqas minn 24 siegħa se jibdew ineħħu l-aċċess għal kontenut li jkun qed jinstiga mibgħeda razzjali jew xenofobija.

Il-Kumpaniji tal-IT qegħdin jappoġġaw il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri fl-isforz tagħhom li jindirizzaw l-isfida li jiżguraw illi l-pjattaformi onlajn ma joffrux opportunitajiet għad-diskors illegali ta’ mibegħda biex jinfirex viralment. Flimkien ma’ pjattaformi u kumpaniji tal-midja soċjali oħrajn, dawn għandhom ir-responsabbiltà kollettiva li jippromwovu u jiffaċilitaw il-libertà ta’ espressjoni.

Madankollu, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kumpaniji tal-IT jagħrfu li l-firxa tad-diskors illegali ta’ mibegħda onlajn mhux biss jaffettwa b’mod ħażin il-gruppi jew l-individwi fil-mira tiegħu, imma jaffettwa b’mod negattiv lil dawk li jsemmgħu leħinhom favur il-libertà, it-tolleranza u n-non-diskriminazzjoni fis-soċjetajiet miftuħa tagħna, u għandu effett li jkexkex id-diskors demokratiku fuq il-pjattaformi online.

Dan tħabbar aktar kmieni illum f’komunikat mill-Kummissjoni Ewropea.