Żewġ ħaddiema li dehru jaħslu l-pniezel u roller mimlija żebgħa fil-baħar qrib il-Water Park f’Buġibba ġew identifikati u se tittieħed azzjoni dixxiplinari kontrihom.
L-aġir ta’ dawn il-ħaddiema qajjem rabja kbira tant li r-ritratt tagħhom waqt li kienu qed jagħmlu dan l-att spiċċa jdur fuq Facebook. Fir-ritratt jidher ċar li fil-baħar intefa’ ammont qawwi ta’ żebgħa ta’ kulur blu ċar, tant li r-roqgħa baħar fil-qrib bidlet il-kulur għal dak taż-żebgħa li ntefgħet.
Immedjata r-reazzjoni tas-Sindku Graziella Galea li f’korrispondenza li bagħtet lid-Direttur tal-Park u Inizjattivi ddeskriviet dan l-aġir bħala wieħed mhux aċċettabbli f’żona li għandha tiġi mħarsa sabiezx titgawda bl-aħjar mod mill-pubbliku.
Hi talbet li tittieħed l-azzjoni neċessarja, spjegazzjoni kif ukoll appellat għal ħidma iktar mill-qrib bejn id-Direttorat u l-Kunsill Lokali biex atti bħal dawn jiġu evitati fil-futur. Fir-risposta tiegħu, id-Direttur Herman Galea wiegħed li se tittieħed azzjoni.
//= $special ?>